Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, bejn Jannar u Settembru, l-ekonomija Maltija kibret b’7.6 fil-mija.
Dan jirriżulta minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ppubblika l-aħħar ċifri li jkopru l-perjodu bejn Lulju u Settembru. F’dan it-tielet kwart tas-sena l-ekonomija kibret b’5.2 fil-mija.
It-tkabbir tal-ekonomija Maltija seħħ minkejja l-perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, fosthom bil-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija li ġabet magħha.
F’dan il-perjodu, jiġifieri bejn Lulju u Settembru, il-ġid nazzjonali kien ilaħħaq iżjed minn €4.4 biljun. Dan ifisser żieda ta’ €456.1 miljun jew 11.6 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Din l-istatistika tal-NSO turi wkoll kif il-ġid nazzjonali fit-tielet kwart tas-sena kien jisboq tal-istess perjodu fl-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Iż-żieda bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena meta mqabbla mal-istess perjodu ta’ tliet snin ilu, kienet ta’ kważi €700 miljun.
Ħareġ ukoll li, fi żmien sena, il-konsum privat żdied b’nofs biljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
B’reazzjoni għal din l-istatistika, il-Prim Ministru Robert Abela qal fuq Twitter li t-tkabbir li ġie rreġistrat fl-ekonomija jixhed li l-aqwa politika tibqa’ dejjem dik li jiġu sostnuti l-familji u n-negozji.
Fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru nnota li t-tkabbir ekonomiku ta’ 7.6 fil-mija li esperjenzat Malta din is-sena s’issa jisboq it-tbassir ta’ 5.7 fil-mija li kienet għamlet il-Kummissjoni Ewropea u dak ta’ 5.2 fil-mija li kien għamel il-Bank Ċentrali.
Huwa rrimarka li l-konsum privat u l-esportazzjonijiet laħqu rekords ġodda minħabba li l-Gvern qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u dawn qed jibqgħu stabbli għall-familji u n-negozji.
Till September our economy grew by 7.6%, well above the European Commission’s 5.7% prediction & the Central Bank’s 5.2% projection. Shielded from high energy costs, private consumption & exports reached new records. Sustaining families & firms is always the best policy. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 29, 2022