Sa Settembru ta’ din is-sena, l-għadd ta’ persuni li qagħdu f’xi stabbiliment ta’ akkomdazzjoni f’pajjiżna laħaq aktar minn miljun u seba’ mitt elf persuna.
Dan skont ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li kien hemm żieda ta’ aktar minn mija u sebgħin elf persuna, meta mqabbel mal-ewwel disa’ xhur tas-sena elfejn u dsatax, is-sena ta’ qabel il-pandemija u s-sena meqjusa rekord għat-turiżmu.
Dan hekk kif sa Settembru ta’ erba’ snin ilu, l-għadd ta’ dawk il-persuni li qagħdu f’xi stabbiliment ta’ akkomadazzjoni kien ta’ aktar minn miljun, ħames mija u tletin elf persuna.
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li l-għadd ta’ ljieli mqattgħin f’dawn l-istabbilimenti ta’ akkomodazzjoni, fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kien ta’ aktar minn seba’ miljun u ħames mitt elf.
Miċ-ċifri tal-NSO ħareġ li fit-tielet kwart ta’ din is-sena qagħdu b’kollox f’dawn l-istabbilimenti turistiċi aktar minn sitt mija u sittin elf persuna.
Dan ifisser żieda ta’ aktar minn sebgħa u tmenin elf persuna, meta mqabbel mal-istess kwart is-sena l-oħra.
Ħareġ ukoll li l-aktar akkomodazzjonijiet popolari kienu dawk ta’ erba’ stilel, bi kważi erbgħa u disgħin elf persuna joqgħdu fihom.
Wara jsegwu l-lukanda ta’ tliet stilel u dawk ta’ ħames stilel.