Gvern Laburista, bil-fatti, investa bil-qawwa fil-pensjonijiet billi, sena wara sena, żied dan il-pagament li jieħdu l-anzjani Maltin u Għawdxin. Iddikjara dan il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, waqt dibattitu li kellu mal-Kelliem Nazzjonalista Ivan Bartolo fuq il-programm ‘Insights’ fuq TVM ippreżentat mill-ġurnalist Glenn Falzon.
Il-Ministru wera d-differenza ċara li hemm bejn il-Gvern attwali u Gvernijiet preċedenti Nazzjonalista.
“Aħna mhux biss żidna l-pensjonijiet għal disa’ darbiet wara xulxin, għax min kien fuq il-pensjoni minima nazzjonali żdied b’disa’ darbiet fuq xulxin. Il-kollega ma semmix darba, nistiednek semmili darba li għollejtu l-pensjoni, mhux iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, nil, żero.”
Dwar l-anomaliji li ħolqot l-amministrazzjoni ta’ GonziPN, meta qasmet il-pensjonanti bejn dawk li twieldu qabel l-1962 u wara, il-Ministru semma kif kien Gvern Laburista li kien kostrett ineħħi l-anomalija għal dawk li twieldu wara din is-sena.
Hawn ta garanzija għall-futur lil dawn il-pensjonanti li minn issa ‘il quddiem kull sena se jibqgħu jieħdu ż-żieda kull sena ogħla mill-COLA.
Minbarra hekk, issa l-Gvern qed jindirizza ukoll l-anomalija li laqtet ħażin lil dawk li twieldu wara l-1962. Fuq ix-xandir, il-Ministru ħabbar li l-proċess għal dan wasal lejn l-aħħar, fejn qed jiġi stmat li 23,000 pensjonant, inkluż romol, se jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura u huma wkoll tkun saret ġustizzja magħhom.
“Fl-2006, ħolqu inġustizzja, qasmuhom fi tnejn. Xi bdejna nagħmlu, jien mhux se niġi hawn u ngħid li jien jew il-Gvern Laburista huma infallibli u t-tgħaffiġ li għamel Gvern Nazzjonalista se nsolvuh mil-lum għal għada. Bdejna nsolvuhom… Li nista’ ngħid lis-Sinjura li semma Ivan, nassigurak li, jekk int waħda minn dawk intitolata, se tirċevihom Sinjura. Qed jinħadmu, wasalna biex inlestu u nassigurak li sa nofs is-sena kulħadd se jkun irċevihom.”
Fil-programm, deher biċ-ċar in-nuqqas ta’ kredibbiltà li l-Partit Nazzjonalista għandu meta jitkellem dwar il-pensjonijiet, fejn saħansitra ħareġ ukoll in-nuqqas ta’ viżjoni li għandu għas-settur.
Il-preżentatur kellu jistaqsi għal darba, darbtejn, tlieta, erbgħa, x’inhuma l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għall-pensjonanti jekk dawn ikunu fil-Gvern, iżda baqa’ bla risposta.
Preżentatur: “Kieku għada jaqa’ l-Gvern u jkun hemm il-PN fil-Gvern, x’jagħmel differenti milli qed jagħmel bħalissa biex jassigura s-sostenibilità tal-pensjonijiet?”
Ivan Bartolo: “Jien naħseb qabel xejn fejn jidħlu l-anzjani ħa nitkellem b’mod ġenerali…”
Preżentatur: “X’aktar? Apparti?”
Hawnhekk kompliet toħroġ fid-deher id-differenza ċara bejn Gvern kredibbli u li dak li jwiegħed iwettqu u Partit fl-Oppożizzjoni li lill-anzjani urihom li ma jistgħux jafdawh.
Il-Ministru Falzonn temm id-dibattitu b’messaġġ ta’ serħan il-moħħ.
“L-anzjani ngħidilhom kif ħadu disa’ żidiet wara xulxin u kien hemm min ħa seba’ żidiet. Sakemm ħa jibqa’ Gvern Laburista dak hu garantit.”