Minn stħarriġ tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA, ħareġ li fl-ewwel sitt xhur tas-sena, l-għadd tat-turisti li waslu f’pajjiżna kien 75% tal-livell li kien hemm fl-istess perjodu tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Ħareġ ukoll li, bħala medja, it-turisti żiedu l-jiem kemm joqogħdu f’Malta waqt li jkunu btala.
L-istħarriġ juri wkoll li l-medja tan-nefqa mit-turisti kienet ta’ ftit iżjed minn €120 kuljum, li tfisser żieda ta’ kważi ħamsa fil-mija meta mqabbel mal-2019.
Il-President tal-MHRA, Tony Zahra, qal li dawn ir-riżultati juru l-irkupru tas-settur turistiku, li sar b’mod kollettiv.
Filwaqt li nnota li l-irkupru f’dan is-settur seħħ waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, huwa faħħar il-miżura ewlenija tal-Budget għas-sena d-dieħla li se toffri stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.