Matul nofs din is-sena, f’pajjiżna ġew iffilmjati ħdax-il produzzjoni, li ħallew fl-ekonomija ta’ Malta ’l fuq minn ħamsa u ħamsin miljun ewro.
Dawn iċ-ċifri ħarġu fil-programm ‘News.’, li ttratta wkoll l-impatt ta’ settur tal-films fuq it-turiżmu f’pajjiżna.
Dawn il-ħdax-il produzzjoni bbenifikaw ukoll mill-iskema tal-cash rebate, li pajjiżna joffri lil produzzjonijiet barranin.
Dawn il-produzzjonijiet, li ħaddmu aktar minn elf Malti fihom, inġibdu f’diversi rħula u bliet Maltin fosthom il-Belt Vallettta, l-Imdina, Għawdex, u Kemmuna. Fost il-produzzjonijiet li nħadmu Malta kien hemm il-film ‘Napoleon’, li mistenni jirrakkonta r-rivoluzzjoni Franċiża u li ra lill-awtur prinċipali Joaquin Phoenix u d-direttur Ridley Scott jirritornaw pajjiżna għall-ġbid tiegħu.
Produzzjonijiet oħra bħal ‘Deep Dear’ u ‘Hounds of War’, ukoll raw l-atturi ta’ fama internazzjonali jaslu Malta.
Il-Malta Film Commission qalet li dik li qabel kienet industrija staġjonali, illum saret industrija li qed tħalli ħafna frott fl-ekonomija ta’ pajjiżna, b’għadd kbir ta’ kumpaniji internazzjonali jesprimu l-interess tagħhom f’din l-industrija. L-aħħar film ta’ fama mondjali li kien ta’ reklam mill-isbaħ għal Malta, kien il-film Jurassic World Dominion.
F’din il-produzzjoni, id-dinja rat lil Malta fuq il-liżar taċ-ċinema, din id-darba mhux bħal passat, meta Malta ġiet ippreżentana bħala d-dinja antika tal-gladjaturi, iżda Malta stess bis-sbuħija tal-Belt Valletta li qed tiġi esposta għal miljuni ta’ segwaċi.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li se jkun hemm estensjoni ta’ 14-il minuta ta’ dan il-film, li fiha se jkun hemm aktar filmati ta’ Malta.
L-aħbar dwar l-estensjoni tal-film ġabet lejn pajjiżna mezzi tax-xandir u ġurnalisti mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u reġjuni oħra fl-Ewropa, li jinsabu f’pajjiżna biex jitgħallmu aktar dwar il-lokalitajiet Maltin li jidhru fil-film u l-esperjenza kollha b’mod ġenerali.
Il-Ministru qal “Screen tourism kien, fis-snin li għaddew, kienet niċċa li ma ngħatatx daqshekk importanza, qed naraw li tingħata importanza. Grazzi għal hekk, għandna f’Malta bħalissa ‘l fuq minn 40 ġurnalist barrani li dawn qegħdin kollha jaħdmu biex jippromwovu lil pajjiżna fid-diversi swieq li ġejjin minnhom għaż-żmien li ġej.”