Il-qraba li għandhom lill-għeżież tagħhom jgħixu f’djar tal-anzjani anke dawk li jgħixu fir-Residenza ta’ San Vinċenz De Paul jew f’dar tal-persuni b’diżabilità jistgħu jeħdulhom rigal, fl-okkazzjoni ta’ Jum l-Omm.
F’ċirkolari maħruġa mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali rrakkomandat lis-sidien sabiex jinfurmaw lir-residenti u lil qrabathom sabiex dawn ir-rigali jaslu fir-residenza sa mhux aktar tard mill-Erbgħa, 6 ta’ Mejju waranofsinhar. Din il-miżura qed issir sabiex jiġi żgurat li dawn ir-rigali jinżammu f’post sigur għall-perjodu indikat mill-awtoritajiet sabiex b’hekk tiġi eliminata t-trażmissjoni ta’ COVID-19.
Intant is-Segretarju Parlametnari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li l-okkażjoni ta’ Jum l-Omm hi festa għażiża ħafna għal ħafna minna u għalhekk permezz ta’ din l-inizjattiva l-qraba jistgħu jferrħu lill-għeżież tagħhom f’dan il-mument tant iebes għalina lkoll. Barra minn hekk is-Segretarjat qed jassigura li l-Kumitat tal-Welfare jagħti rigali lin-nisa kollha li jinsabu fid-djar tal-anzjani tal-gvern u f’dawk id-djar fejn hemm arranġamenti ta’ public-private partnership kif ukoll djar fejn il-gvern jixtri s-sodod.