Skont il-Labour Force Survey, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, pajjiżna kellu rata ta’ mpjiegi li tlaħħaq id-79%. Din hi l-ogħla rata, li qatt ġiet irreġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika, u tfisser żieda ta’ kważi żewġ punti perċentwali mqabbel ma’ sena qabel.
B’hekk ukoll ir-rata tal-impjiegi f’pajjiżna kompliet tkun aqwa minn dik fl-Unjoni Ewropea kollha. Qabel il-bidla fil-Gvern, ħdax-il sena ilu, kien hemm distakk ta’ kważi ħames punti perċentwali bejn Malta u l-medja Ewropea.
Dak iż-żmien, l-esperti kienu qed ibassru li dak id-distakk kien se jibqa’ hemm għal għexieren ta’ snin, iżda kellhom ikunu Gvernijiet Laburisti li qalbu din it-tendenza ta’ taħt fuq u llum id-distakk hu favur pajjiżna bi kważi għaxra fil-mija iżjed.
Jirriżulta li, fl-ewwel tliet xhur tal-2024, l-impjiegi f’Malta u Għawdex kienu jgħoddu għal kważi tlettax-il elf u sitt mija iżjed mill-2023, bl-ammont sħiħ ta’ persuni jaħdmu jaqbeż it-tliet mija u sitt elef u ħames mija – kważi d-doppju tal-2012.
Iż-żieda fl-ewwel kwart ta’ din is-sena kienet kważi kollha f’impjiegi full-time, differenti minn dak li kien jiġri taħt l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti sal-2013.
L-aktar li bbenefikaw miż-żieda fl-impjiegi f’dawn is-snin kollha kienu n-nisa, tant li minn 44% tan-nisa f’impjieg qabel il-bidla fil-Gvern, dan il-persentaġġ issa hu ta’ 72%.
NISA FL-IMPJIEG F’MALTA
MARZU 2024 | 72% |
MARZU 2013 | 44% |
Permezz ta’ dawn iż-żidiet ukoll, ir-rata tal-qgħad lokali waqgħet għal 3% fl-ewwel kwart tal-2024, inqas mit-3.6% li kienet sena qabel. Imqabbel mal-istess perjodu fl-2012, ir-rata hi inqas min-nofs, għax dakinhar ir-rata tal-qgħad kienet ta’ aktar minn 6%.
Il-Labour Force Survey jindika li, fl-ewwel kwart tal-2024, il-pagi għolew bi 3.8% meta mqabbel mal-2023. Dan fi żmien ta’ inflazzjoni ta’ madwar 1.9%. Bil-maqlub, fl-aħħar sena taħt il-Gvern ta’ GonziPN meta l-inflazzjoni kienet ta’ 2.4%, il-paga medja għoliet biss b’1.9%.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, il-paga medja f’Marzu li għadda kienet aktar minn tlieta u għoxrin elf. F’Marzu tal-2013 din kienet inqas minn sittax-il elf. Dan ifisser li l-istatistika ufficjali turi titjib ta’ aktar minn sebat elef ewro jew 45% iżjed minn mindu nbidel il-Gvern.
IL-PAGA MEDJA F’MALTA
MARZU 2024 | €23,137 |
MARZU 2013 | €15,923 |
+ €7,214 (+45%) |
Ta’ min ifakkar li dan ma jinkludix żidiet oħrajn lill-ħaddiema, fosthom il-bonuses, l-overtime u l-allowances.