In-numru ta’ Maltin li applikaw għal passaport fl-ewwel nofs ta’ din is-sena kważi jlaħħaq iċ-ċifri ta’ sena sħiħa fl-elfejn u dsatax; l-aħħar sena ta’ qabel il-pandemija.
Ċifri li kiseb ONE News mingħand l-Identity Malta juru li, sal-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena, inħarġu aktar minn sitta u tletin elf passaport mill-uffiċini tal-aġenzija fil-Marsa.
F’sena sħiħa, fl-elfejn u dsatax, in-numru ta’ passaporti li saru kien ta’ ftit aktar minn tlieta u erbgħin elf.
Iċ-ċifri wara sentejn ta’ pandemija juru li n-nies reġgħu qed isiefru, u qed isiefru ħafna, u fl-aħħar ġimgħat dan ġab miegħu pressjoni aktar min-normal fl-uffiċini tal-Identity Malta.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Uffiċċju tal-Passaporti, Joanne Caruana, spjegat li l-aġenzija Identity Malta mill-ewwel ħadet azzjoni meta bdiet tara ż-żieda fid-domanda.
Qalet, “Il-flow tan-nies kienet daqxejn mhux ħażin u kien qed ikun hawn il-kjuws, u l-aġenzija mill-ewwel ħadet il-miżuri neċessarji, fejn l-ewwel li għamilna estendejna l-ħinijiet. Kif rajna li mhux biżżejjed, estendejna anki l-ġranet tal-ftuħ. Għamilna spazju ikbar fejn jistennew in-nies biex jakkomoda lin-nies li kienu qed jiġu, żidna l-biometrics stations fejn jittieħdu r-ritratti, għamilna wkoll self-service kiosk fejn jistgħu jieħdu l-biometrics waħedhom u jkunu aktar effiċjenti, u anki għamilna sistema ta’ bookings online.”
Joanne Caruana spjegat x’għandhom jagħmlu l-adulti li jridu japplikaw għal passaport jew iġedduh.
Qalet, “L-ewwel ħaġa, trid tiġi personalment ġol-uffiċċju tagħna fil-Marsa. Tippreżenta l-applikazzjoni, li hija l-Form A, mimlija bl-informazzjoni kollha neċessarja. Jekk qed tagħmel passaport għall-ewwel darba jew tlift il-passaport ta’ qabel, importanti li għandek bżonn ir-rakkomandant. Għandek bżonn ukoll l-ID Card oriġinali u valida, u kopja tagħha minn wara u minn quddiem.”
Fejn jidħlu t-tfal, ikun hemm bżonn li, fl-istess formola, jiffirmaw il-ġenituri u r-rakkomandant u, jekk it-tfal ikunu taħt l-erbatax-il sena, ikun hemm ritratt iffirmat mill-istess rakkomandant.
L-istess dettalji japplikaw għall-minorenni li għandhom iktar minn erbatax-il sena, iżda dawn iridu jippreżentaw ukoll il-karta tal-identità oriġinali u valida tagħhom.
Il-Kap tat-Taqsima kompliet tispjega l-proċess biex wieħed jiġbor il-passaport ġaladarba jkun lest.
Qalet, “Wara erbat ijiem ta’ xogħol, il-passaport ikun lest u l-applikant jista’ jiġi jiġbru minn hawn. Importanti li jippreżenta l-ID Card oriġinali u valida f’każ li qed jiġbor tiegħu. F’każ li qed jiġbor tat-tfal, wieħed mill-ġenituri jrid jiġi bl-ID Card oriġinali wkoll. Dan isir minħabba li nkunu rridu niċċekkjaw li l-ġenitur ġie jiġbru. Nirrakkomandaw ħafna li, biex jevitaw joqogħdu fi kjuws, isir appuntament anki biex jinġabar il-passaport.”
Għal aktar informazzjoni, jew biex issir applikazzjoni għall-passaport, wieħed jista’ jidħol fuq is-sit elettroniku www.identitymalta.com.