Minn statistika maħruġa mill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, li hija r-Regolatur tal-Prokreazzjoni Assistita, sar magħruf li sa issa f’Malta twieldu 404 trabi bil-fertilizzazzjoni in vitro, magħrufa aħjar bħala IVF.
L-Awtorità bdiet tiġbor l-informazzjoni mis-sena 2013, meta twieldu 25 tarbija b’interventi fi sptarijiet privati.
L-aktar li twieldu trabi kien fl-2018, bi 58 tarbija.
Waqt il-pandemija naqas in-numru ta’ trabi li twieldu bl-IVF. Fil-fatt, fl-2020 twieldu biss 27 tarbija.
Din l-informazzjoni ppubblikaha d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, it-Tnejn waqt il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari. Huwa nnota wkoll kif fil-bqija ta’ din is-sena, mistennija jitwieldu erbatax-il (14) tarbija oħra b’ċikli tal-IVF li saru matul is-sena li għaddiet.
Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jkomplu jgħaddu mill-proċess parlamentari l-emendi fil-liġi tal-IVF li se jagħtu opportunità lil aktar koppji jsiru ġenituri. B’hekk, se tkun qed titwettaq wiegħda elettorali oħra.
Intant, Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ġie mistoqsi wkoll dwar l-ispiża ta’ kull sodda għal kull pazjent fit-Taqsima għall-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei. Huwa wieġeb li din l-ispiża hija ta’ bejn €1,325 u €1,500 għal kull lejl. Madanakollu, din hija figura medja li tvarja minn pazjenti għall-ieħor.
Chris Fearne qal li, minn mindu faqqgħet il-pandemija sal-Ġimgħa 20 ta’ Mejju, kien hemm 352 persuna li ġew rikoverati fl-ITU u li kellhom kumplikazzjonijiet ikkawżati mill-Covid-19.