Sa issa tniżżlu 81,103 vouchers b’mod diġitali.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri waqt konferenza tal-aħbarjiet iddedikata għall-aġġornament tas-sitwazzjoni tar-riġenerazzjoni ekonomika permezz tal-istess vouchers tal-€100.
Il-Ministru Schembri sostna li meta tħabbar li l-pubbliku se jkun jista’ jniżżel il-vouchers b’mod diġitali, kienu qegħdin jidħlu mas-seba’ mija u ħamsin reġistrazzjoni għall-E-ID kull minuta.
Huwa spjega li dan ir-rispons qawwi huwa wieħed pożittiv, iżda ħeġġeġ lil kull min għadu ma niżżilx dawn il-vouchers sabiex jieħu l-opportunità sa nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Ġunju.
Il-Ministru semma numru ta’ vantaġġi tal-vouchers diġitali, fosthom li dawn ma jistgħux jintilfu jew jitqattgħu, apparti l-aspett tad-diġitalizzazzjoni.
Huwa saħaq li din id-diġitalizzazzjoni tal-iskema serviet ta’ introduzzjoni għall-bidla ta’ kultura li tnaqqas id-dipendenza fuq il-karti.
Kull min jixtieq iniżżel dawn il-vouchers sabiex ikun jista’ jagħmel użu minnhom b’mod immedjat minn nhar it-Tnejn li ġej, jista’ jagħmel dan minn fuq is-sit https://vouchersmimcol.com