Sa issa, matul din is-sena l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) ffinanzja 42 proġett ta’ fattibilità, mobilità u riċerka, b’investiment totali ta’ €1.5 miljun minn fondi nazzjonali. Minbarra dawn, l-MCST iffinanzja wkoll ir-riċerka nazzjonali dwar proġetti bilaterali u multilaterali permezz ta’ programmi ta’ internazzjonalizzazzjoni.
Hekk kif iltaqa’ għall-ewwel darba mal-Bord tal-MCST, il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal Wara Covid-19 Owen Bonnici qal li dawn il-proġetti ta’ riċerka ġew finanzjati taħt erba’ programmi ta’ finanzjament differenti – Fusion CVP, Fusion TDP, Internationalisation Partnership Awards Scheme + u l-iSpace Research Fund. Qal ukoll li hu mistenni li l-ammont ta’ proġetti li jiġu mgħejuna se jkompli jiżdied hekk kif il-proċessi marbuta ma’ proġetti sottomessi taħt programmi oħra, inkluż dak taħt il-Covid-19 R&D Fund u l-Programm ta’ Riċerka ta’ Eċċellenza, jgħaddu għall-istadju li jmiss.
Il-Ministru Bonnici saħaq li dan il-finanzjament hu kruċjali sabiex tissaħħaħ ir-riċerka u tinbena ekosistema ta’ innovazzjoni dejjem iktar robusta f’pajjiżna. Huwa qal li l-MCST jagħmel xogħol imprezzabbli u saħaq li l-kontribut li dan il-Kunsill jagħti lill-avvanz ta’ pajjiżna huwa wieħed kbir ħafna.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm iċ-Chairperson Eżekuttiv Dr Jeffrey Pullicino Orlando, li saħaq li l-Bord tal-MCST huwa magħmul minn persuni distinti li lkoll flimkien jagħtu kontribut eċċellenti għat-tkabbir tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna.