“B’effett immejdat qegħdin inħabbru posponiment tal-ħlas tal-kontijiet li jiġu dovuti fix-xahar ta’ Marzu u April”, qal dan il-Prim Ministru Robert Abela.
Minn dik l-ewwel għajnuna sal-lum, il-Gvern ta aktar minn tmien mija u erbatax-il miljun ewro lill-familji u n-negozji fi żmien ta’ sfida li bosta ġenerazzjonijiet fid-dinja qatt ma raw bħalha jew għexu.
Tagħrif li kiseb ONE News juri sensiela ta nefqiet f’miżuri li bihom il-Gvern wieżen lill-familji u n-negozji waqt pandemija.
L-akbar miżura anki f’termini ta’ nfiq u li ssalvagwardjat il-ħobża ta’ kuljum ta’ eluf ta’ familji kienet l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi.
F’sena b’mod komprensiv fuq il-Covid Wage Supplement, il-Gvern nefaq aktar minn tliet mija u tlieta u sebgħin miljun ewro.
Hu stmat li kważi mal-100,000 impjieg ġew salvati bis-saħħa tal-Wage Supplement biss, fejn in-negozji affettwati rċevew sa massimu ta’ €800 fix-xahar għal kull ħaddiem irreġistrat magħhom.
L-għajnuna, li għadha kemm ġiet estiża, mistennija tlaħħaq €600 miljun sa tmiem din is-sena.
Fil-fatt l-Covid Wage Supplement ġie estiż sa Ġunju iżda għan-negozji l-aktar milquta mill-pandemija ngħata s-serħan il-moħħ li din l-għajnuna se tibqa’ tasal għandhom sa tmiem din is-sena.
In-nefqa tal-Gvern għall-għajnuniet kollha li kważi tqarreb lejn il-biljun ewro kienet tinkludi wkoll tlieta u erbgħin miljun ewro fil-vouchers li ngħataw lil kull min kellu sittax-il sena jew iżjed.
Dawn il-vouchers kienu taw injezzjoni qawwija lin-negozji tant li ż-żieda fid-domanda domestika għamlet tajjeb għal nuqqas fl-andament turistiku minħabba l-pandemija.
Mit-tagħrif li ksibna jidher li nefqa notevoli oħra f’sena kienet fil-Ministeru tas-Saħħa b’mod partikolari fuq affarijiet marbuta mal-pandemija.
Hawnhekk il-Gvern nefqa ftit aktar minn erbgħa u sebgħin miljun ewro biex fost l-oħrajn inxtara lbies protettiv u apparat li jintuża għat-testijiet tal-Covid-19.
Dan intuża fost oħrajn mill-infermiera u xjentisti li taw u għadhom jagħtu sehem qawwi waqt il-pandemija. Nefqiet oħra favur il-ħaddiema u n-negozji kienu jinkludu l-ħlas tal-leave tal-kwarantina u diferiment tal-ħlasijiet tat-taxxa.
Dawn kienu jammontaw għal tliet miljun u nofs ewro u mija u sitta u tmenin miljun ewro rispettvament.
Il-miżura ta’ rifużjoni ta’ 50% fuq il-kontijiet tad-dawl għan-negozji u dik tas-sussidju fuq il-kirjiet ta’ postijiet użati min-negozji, li kienu tħabbru fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, wkoll fissru nefqa importanti għall-Gvern. Minn dawn gawdew primarjament sittax-il elf negozju mir-rifużjoni tal-kont tad-dawl u b’kollox il-Gvern nefaq kważi tliet miljun ewro.
Il-Gvern iddedika wkoll erbatax-il miljun u nofs ewro f’benefiċċji soċjali marbuta mal-pandemija li ħarġu mill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali.
Fost l-oħrajn, persuni b’diżabilità li jaħdmu u li huma meqjusa vulnerabbli baqgħu jirċievu d-dħul tagħhom anki jekk ma setgħux imorru għax-xogħol.
Ingħatat ukoll għajnuna lil min kellu jipposponi t-tieġ minħabba miżuri marbuta mat-trażżin tal-imxija u anki l-għaqdiet volontarji ħadu aktar minn miljun ewro bejniethom wara li wkoll ġew affettwati mill-pandemija.