Il-Gvern ħallas aktar minn €25 miljun f’applikazzjonijiet għall-benefiċċju tas-suppliment tas-salarju għal dawk milquta mill-Covid-19. Dan filwaqt li estenda dan il-benefiċċju għal xahrejn oħra.
Qal dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri hekk kif ta aġġornament dwar l-applikazzjonijiet li rċeviet il-Malta Enterprise sa issa.
Il-Ministru Schembri spjega kif b’kollox għall-miżura sħiħa tal- benefiċċju tas-suppliment tas-salarju kien hemm 16,121 applikazzjoni. Dawn l-applikazzjonijiet ikopru l-ħlas ta’ 57,526 impjegat Full-time u 10,380 impjegat li jaħdmu fuq bażi Part-time.
Minn dawn l-applikazzjoni ġew approvati 9,696 applikazzjoni li jkopru l-ħlas ta’ 33,645 impjegat Full-time u 7,770 impjegat Part-time.
Biex b’hekk il-Gvern sa issa għal din il-miżura biss ħallas aktar minn €23 miljun.
Għall-miżura parzjali tal-benefiċċju tas-suppliment tas-salarju, il-Malta Enterprise irċeviet 2,865 applikazzjoni li jkopru l-ħlas ta’ 17,880 impjegat. Minn dawn ġew proċessati 1,828 applikazzjoni u tħallsu mal-miljun ewro.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega kif il-qabża f’ġimgħa ta’ ħmistax-il miljun ewro fi ħlasijiet tal-Gvern, turi l-effiċjenza fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet.
“Issa l-intenzjoni primarja tal-Gvern u l-focus tagħna huwa kollu ffukat sabiex naraw li ngħaddu għal phase 2. Jiġifieri dak il-proċess li issa nibdew niftħu l-attività ekonomiku bil-mod il-mod nieħdu miżuri hemmek ukoll li nkunu nissalvagwardjaw l-aspett mediku però fl-istess ħin naraw kif inkomplu ngħinu lill-industrija, lin-negozji, is-self-employed ħalli jkomplu kemm jista’ jkun joħorġu minn din is-sitwazzjoni bl-inqas damage possibbli.”
L-iskema tat-teleworking rċeviet 428 applikazzjoni. 154 applikazzjoni ġew maħduma filwaqt 135 ġew aċċettati. Għal din l-applikazzjoni sa issa tħallsu €142,000.
Kien hemm ukoll 1,553 applikazzjoni għal-leave tal-kwarantina. Ġew proċessati 1,190 u 363 applikazzjoni biss għadhom pendenti. Sa issa intefqu kważi €50,000 għal dawn l-applikazzjonijiet li jkopru l-ħlas ta’ 1,557 impjegat.
Intant Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif issa li aktar minn tliet kwarti tal-applikazzjonijiet ġew proċessati, l-impenn tal-Malta Enterprise ser jiffoka fuq għajnuna lill-kumpaniji u lil dawk jaħdmu għal rashom fl-operat u fil-preparazzjoni għal xenarju wara li tgħaddi l-pandemija.