Fl-aħħar rendikont ta’ għajnuniet soċjali fiż-żmien tal-imxija tal-Coronavirus, iżjed minn 7,000 persuna rċivew bejniethom madwar €10,250,000.
Dan ifisser li ras għal ras kull persuna ħadet medja ta’ madwar elf u tliet mija u għaxar ewro kull wieħed.
Dawn id-dettalji ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali bħala parti mill-proċess ta’ ħlasijiet ta’ erba’ benefiċċji soċjali li ngħataw lil dawk li ntlaqtu mill-pandemija.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru s-Sur Mark Musù, qal li l-ammont jinkludi ftit iżjed minn miljun ewro f’kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali.
Semma wkoll li mal-500 persuna rritornaw għax-xogħol u għaldaqstant ma baqgħux jirċievu l-benefiċċju. Dawn jiżdiedu mal-5,891 persuna li żammew il-benefiċċju waqt li baqgħu jaħdmu.
Dan ifisser li 6,379 impjieg ieħor ġew salvati grazzi għall-iskemi li qed tħaddem il-Malta Enterprise. Biex issa ġew salvati mal-100,000 impjieg.
Is-Sur Mark Musù spjega: “In-numru ta’ persuni li rritornaw għax-xogħol issa qed nitkellmu fuq kważi ħames mija, fil-fatt meta komplessivament f’xi mument jew ieħor ħallasna 7,800 benefiċċjarju, illum ħallasna 7,300, għax kellek 500 li rritornaw għax-xogħol, wieħed jawgura li tippresisti din ix-xejra fil-ġimgħat li ġejjin.”
Intqal ukoll li fil-jum tal-Erbgħa tħallsu iżjed benefiċċji, filwaqt li nħadmu 10,579 talba minn total ta’ 10,692 – rata ta’ 99.2%.
Il-Ministru Michael Falzon qal li ħidmet pajjiżna fil-qasam soċjali kienet rikonoxxuta b’ċertifkat ta’ kemm dan il-Gvern irnexxielu jgħin nies u jikkontolla din is-sitwazzjoni bla preċedent.
Huwa sostna: “Qed nitkellmu fuq numru ta’ applikazzjonjiet li qed iqarreb lejn il-11,000 u dawn kollha tista’ tgħid li huma maħdumin, sinjal kemm mhux biss bħala ħaddiema tal-ministeru imma anka bħala poplu aħna kapaċi nqumu għall-okkażjoni.”