L-applikazzjonijiet immotivati minn Brexit biex residenti Brittaniċi jibqgħu jirrisjedu f’Malta qabżu d-9,520.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamenarti għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern hekk kif spjega li l-applikazzjonijiet għal residenza benefiċċjarja għalqu fit-tletin Ġunju.
Ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari spjega li sa issa ġew ipproċessati numru kbir ta’ applikazzjonijiet, b’kull waħda sa issa tiġi milqugħa.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat spjega wkoll kif in-numru ta’ applikazzjonijiet li sa issa nġabru huwa konservattiv hekk kif kien hemm ħafna applikanti li ħallew għall-aħħar ftit ġranet biex japplikaw, u għalhekk l-informazzjoni dwarhom għad trid tidħol fis-sistema.
Huwa saħaq: “Kellna ħafna Ingliżi li sfortunatament ħallew għall-aħħar biex daħħlu l-applikazzjonijiet tagħhom. Minkejja dan kollu aħna aċċettajna dawn l-applikazzjonijiet u issa ninsabu fil-proċess sabiex nevalwaw dawk l-appikazzjonijiet u jekk jimmeritaw jinħarġilhom il-permess ta’ residenza fiż-żmien opportun.”
Sa issa ngħataw ukoll madwar 450 permess ta’ residenza ġdid.