Il-Gvern nieda għal konsultazzjoni pubblika abbozz ta’ liġi li qed jipproponi li sa Ġunju tas-sena d-dieħla, aġenti tal-propjetà u sensara fost l-oħrajn ikollhom liċenzja biex joperaw.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-artijiet u l-kostruzzjoni, Chris Agius qal li dan l-abbozz għandu l-għan li jarmonizza l-involviment tal-persuni involuti fil-proċess ta’ negozjar u arranġament ta’ transazzjonijiet li jinvolvu x-xiri jew il-kiri ta’ proprjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li l-liġi l-ġdida se toħloq qafas regolatorju li minnu se jgawdi l-konsumatur għaliex is-sens ta’ responsabiltajiet involuti se jkunu magħruf aħjar.
Agius qal, “Real estate property consultants, sensara ovvjament kull min jaħdem f’dan is-settur irid ikollu liċenzja, liċenzja li tinġjieb wara li jsir it-taħriġ neċessarju sabiex ikun jista jaħdem. Tajjeb li ngħidu li persuni li ma jagħmlux iktar minn erba’ tranzazzjonijiet fis-sena dawk se jkunu eżenti minn din il-liġi.”
It-taħrig għas-sensara u l-aġenti tal-proprjetà jikkonsisti f’aspetti legali, finanzjarji u tekniċi relatati mal-proprjetà. L-aġenti b’hekk se jkunu f’pożizzjoni li jagħrfu aħjar ir-responsabilità li għandhom.
Il-konsulent legali Robert Musumeci qal li l-liċenzja se tinħareġ minn bord apposta.
“Ġaladarba wieħed jottjeni l-liċenzja imbagħad imur quddiem bord li huwa maħsub f’din il-liġi u dan il-bord jiddeċiedi jekk dak li jkun għandux ikollu liċenzja jew le. Ċertament id-deċiżjoni tal-bord m’ijiex finali għax jekk dak li jkun iħossu aggravat f’dik id-deċiżjoni jista’ jmur quddiem il-qrati tagħna u hemmhekk jitlob rimedju minn entita indipendenti.” Saħaq Musumeci.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal ukoll li saret konsultazzjoni wiesa’ anke mal-aġenzija kontra l-ħasil ta’ flus.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda jgħid, “Il-liġi Ewropea tobbligana li aħna wkoll ikollna estate agents u min jopera fis-settur ikun regolat u ovvjament l-FIAU hija entita minn diversi li kellna diskussjonijet magħhom.”
Il-liġi mistennija tiddaħħal fis-sitta ta’ Ġunju li ġej u se jkun hemm perjodu tranżitorju ta’ sena.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ li jressaq il-fehmiet tiegħu dwar dan l-abbozz billi jibgħat email fuq publicconsultations.mtip@gov.mt jew jibgħat ittra l-Ministeru għall-Infrastruttura sas-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej.