Sa Ġunju mistennija jitlestew ix-xogħlijiet fuq l-istruttura tal-padiljun tal-handball biswit l-iskola Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun, biex eventwalment tibda tilqa’ l-ewwel atleti sal-aħħar ta’ din is-sena.
Fi żjara li għamel il-Ministru tal-Edukazzjoni u l-Isport ingħad li b’dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ żewġ miljun ewro, qed jiġi mmassimizzat l-ispazju ta’ skola biex filwaqt li jkunu attirati aktar tfal u żgħażagħ lejn l-isport, il-faċilità tkun tista’ tilqa’ fiha persuni għat-taħriġ tul il-jiem kollha tal-ġimgħa u anki wara l-ħinijiet tal-iskola.
Alan Grima, mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball, spjega li din l-art se tagħti lok għal aktar taħriġ.
“Naħseb xi ħaġa importanti ħafna hija li se tagħti opportunità lill-klabbs tagħna li jżidu l-ammont ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ tagħhom li s’issa kienu limitat ħafna għax kollha jużaw il-padiljun tal-Università u wħud minnhom iħallsu spejjeż pjuttost kbar biex jikru postijiet privati allura din ħa tkun okkażjoni għalihom ukoll kif ukoll għat-timijiet nazzjonali biex jitħarrġu b’aktar mod regolari matul is-sena.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar spjega li minbarra dan il-padiljun, l-ispazju f’din l-iskola diġà qed jilqa’ u hemm pjanijiet biex ikompli jilqa’, atleti ta’ dixxiplini sportivi oħra.
Spjega li “l-faċilità tal-handball hija importanti għax se tagħti ċ-ċans lil din l-Assoċjazzjoni biex tikber però barra din, hawnhekk barra l-Akkademja tal-Isnooker li lestejna madwar sena u nofs ilu, hawnhekk ħa jkun ukoll iċ-Ċentru tal-Kumitat Olimpiku Malti, ħa jkollna wkoll sala għat-table football u sala oħra tal-arti marzjali sabiex finalment ikollna s-sitt kumpless ta’ SportMalta lest għal kollox biex inkomplu nikbru fl-isport.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Clifton Grima qal li l-iskejjel huma l-postijiet ideali biex joffru faċilitajiet sportivi li jistgħu jintużaw anki mill-komunità.
Qal li “wieħed irid idaħħal ukoll il-kunċett li l-faċilitajiet sportivi tagħna huma mimlija ħajja tul il-ġimgħa kollha u anki waranofsinhar u allura qed naraw li spazji li mhux jintużaw jingħataw dan l-inċentiv fejn ikollok assoċjazzjonijiet serji u professjonali li qegħdin jinvestu fit-tfal tagħna għax nemmnu li l-isport huwa parti integrali mill-edukazzjoni sħiħa li bħala pajjiż irridu noffru.”