Sa Ġunju li għadda, il-karozzi f’pajjiżna li jniġġsu l-inqas kienu jgħoddu għal aktar minn 21,302 vettura.
Dan minbarra elfejn, mija u ħamsin vettura oħra li jaħdmu kompletament bil-gass jew bil-gass u l-fuel konvenzjonali f’daqqa.
Skont ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, joħroġ kif fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 6,900 vettura electric u hybrid fuq l-istess kwart tas-sena l-oħra.
Dan hekk kif, sax-xahar li għadda, il-karozzi elettriċi kienu jgħoddu b’kollox għal aktar minn għaxart elef u seba’ mija, li jfisser żieda ta’ aktar minn tlett elef u sitt mija fuq l-istess perjodu tal-2022.
Dan filwaqt li l-vetturi hybrid, li jaħdmu kemm bl-elettriku kif ukoll bil-petrol u d-diesel, kienu jgħoddu għal kważi għaxart elef u sitt mija. Dan ifisser żieda ta’ kważi tlett elef u tliet mija, meta mqabbel ma’ sena qabel.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li l-vetturi li jaħdmu kompletament bil-gass jew li jalternaw bejn il-gass u l-petrol jew id-diesel kienu jgħoddu għal aktar minn elf u mija. Żieda ta’ mija u erbgħa u erbgħin vettura.
Din iż-żieda sinifikanti fil-karozzi li l-inqas iniġġsu turi li aktar nies qed jirrikorru għall-inċentivi li għadhom jiġu offruti mill-Gvern.
L-aħħar miżura mħabbra fil-Baġit għal din is-sena, il-Gvern ta għotja ta’ €11,000 lil kull min jixtri karozza elettrika f’Malta u €12,000 jekk tinxtara f’Għawdex.
Ma’ dawn jiżdied ukoll il-benefiċċju ta’ €1,000 meta tiġi skrapjata vettura antika u tinxtara oħra ġdida, bil-benefiċċju disponibbli jitla’ għal massimu ta’ €13,000.