Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn 250,000 passiġġier, li qasmu bejn Malta u Għawdex, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan sar kemm bil-vapuri tal-Gozo Channel kif ukoll bil-katamarani tal-Gozo Fast Ferry.
Ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, qasmu l-fliegu b’kollox aktar minn tliet miljun u mitejn elf passiġġier. Dan filwaqt li, fl-istess perjodu, sena qabel l-ammont kien taħt it-tliet miljun passiġġier.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena, minbarra ż-żieda fil-passiġġieri, żdiedu l-vjaġġi u ank l-vetturi abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel.
Skont l-NSO, bejn Jannar u Ġunju li għaddew, kien hemm żieda ta’ passiġġieri li użaw is-servizz tal-fast ferry mill-Belt Valletta għall-Port tal-Imġarr f’Għawdex, hekk kif aktar minn erba’ mitt elf persuna użaw dan is-servizz.
Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ aktar minn mija u ħamsin elf passiġġier, imqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Kollox ma’ kollox, jirriżulta li x-xahar meta l-aktar li qasmu nies fuq il-fliegu bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex, kien f’Mejju, hekk kif għaddew aktar minn ħames mija u għoxrin elf passiġġier. Isegwu kien hemm ix-xhur ta’ April u Ġunju rispettivament.
L-aktar jum bieżel, kif probabbilment ikun mistenni, kien is-Sibt, hekk kif f’dan il-jum qasmu aktar minn erba’ mija u ħamsin elf passiġġier fl-ewwel nofs tas-sena. Isegwu bħala l-aktar jiem popolari, imbagħad, kien hemm il-Ħadd, il-Ġimgħa u l-Ħamis f’dik l-ordni.