Residenti Ingliżi f’pajjiżna li jammontaw għal madwar erbatax-il elf persuna għandhom ċans sa Ġunju tas-sena d-dieħla sabiex jagħmlu permess ta’ residenza ġdid. Dan hekk kif il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea jintemm sal-aħħar tas-sena.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet, li qal kif dan il-permess il-ġdid se jkun validu għall-għaxar snin.
Waqt din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Muscat spjega kif l-aġenzija Identity Malta bdiet b’ħidma minn Frar li għadda sabiex ikunu jafu bir-residenti Ingliżi li jgħixu f’pajjiżna. Spjega kif Malta ħarġet l-ewwel applikazzjonijiet minn fost il-membri stati tal-Unjoni Ewropea, fejn s’issa applikaw madwar 6,600 persuna.
Huwa stqarr: “Għad fadal madwar nofs iċ-ċittadini li jgħixu f’Malta, li issa jridu jiġu, japplikaw għal dan id-dokument ta’ residenza validu għall-għaxar snin, huwa validu għal 10 snin, li huwa għal ħafna snin. Qed nagħtu dan id-dokument daqshekk fit-tul anke minħabba r-relazzjonijiet tajba ħafna illi pajjiżna dejjem kellu mar-Renju Unit.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta Catherine Ward li qalet kif ir-relazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u Malta għadhom b’saħħithom. Hija appellat sabiex dawk l-Ingliżi li se jibqgħu jgħixu f’Malta wara l-perjodu tranżitorju japplikaw għal dan il-permess.
Hija qalet: “How important it is that all British residents in Malta to wish to continue residing in Malta, to make sure that they do apply for the new residence card.”