Permezz ta’ email li ntbagħtet lill-istudenti kollha li jattendu l-Università ta’ Malta, ġie deċiż li fejn huwa possibbli, il-lectures se ikun qed jingħataw kollha ġewwa l-kampus.
F’email iffirmata mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, ġie spjegat li lectures għal studenti li qed ikomplu xi kors, se jitkomplew mit-Tnejn 27 ta’ Settembru.
F’din l-email kien hemm miktub li fil-prattika dan jinvolvi żewġ modi fejn it-tagħlim ikun fil-klassi.
Jew meta d-daqs tal-grupp tal-klassi jippermetti l-użu ta’ spazju tal-lectures jew inkella fejn il-grupp ta’ studenti jkun wieħed imdaqqas, numru ta’ studenti jalternaw bejniethom fil-lectures mogħtija fuq il-kampus.
F’dak il-każ meta student ma jkunx imissu jattendi fiżikament fuq il-kampus, isegwi online.
Il-Professur Vella temm il-messaġġ billi qal li huwa eċitat li jerġa’ jara il-kampus tal-Università jieħu l-ħajja.