Kelli argument mat-tfal dwar jekk fiċ-ċirkostanzi tal-lum għandux jibqa’ hekk iebes is-sigriet professjonali li ma jingħad xejn dwar min ikun infettat mill-Coronavirus. Nemmen li kollox għandu l-limitu, u kull dritt għandu jkollu l-bilanċ fejn jidħol l-interess ġenerali.
Riċentement kien hemm każ ta’ supermarket li fih kien instabet persuna li kienet imniġġza. L-Awtoritajiet għamlu sewwa u għalqu, u wissew. Kulħadd kien jaf fejn kien, u kulħadd kien imwissi biex iżomm ‘il bogħod. Sewwa.
Ma nkiser l-ebda sigriet. Fil-fehma ħadd ma weġġa’, jekk xejn ħadd ma ngidem.
Għandna liġi li tgħid li bniedem li jikkorrompi tfal, ikollu ismu mniżżel fi ktieb u dan biex jarawh in-nies u jkunu jistgħu jieħdu passi biex jipproteġu. Din mhix liġi ħażina, għalkemm tolqot il-privatezza tal-persuna, li ħafna drabi jkun xi ftit mhux normali wkoll. L-interess ġenerali huwa pero` akbar, u sewwa li hekk isir, għax marid kemm hu mohħħ marid, teħodha bi kbira xejn li jerġa’ koppi.
Issa llum jkollna nformazzjoni kemm huma n-numri. Jista’ jfissru l-istess bħan-numri tas-Superfive għal wieħed li l-anqas biss jilgħab. Imma ma jmexxu lil ħadd biex jevita li jitniġġeż, bħal ma ġara f’tas-Supermarket.
Ara l-posta malajr ħarġet tgiddeb dik il-fake news meta qalu li hemm ħames pustieri li huma miniġġza. Għamlu sew u bir-raġun. Għax informazzjoni tajba.
It-tfal tiegħi argumentaw li jekk jkun hemm informazzjoni fuq il-marid, allura n-nies tibda toqgħod lura milli tidher u tmur ghall-kura. Jista’ jkun ukoll. Imma ma hemm l-ebda trid tan-nofs ?
Nemmen li huwa dritt tal-informazzjoni li biex in-nies toqgħod attenta, informazzjoni biex tiftaħ l-għajnejn għandha tkun. Mhux biex noqgħod ngħidu b’dak u l-ieħor, għax wara kollox taħt sema wieħed. Imma jekk tgħidli li fuq il-bankijiet tal-pjazza ta’ Bu Fies sabu nies morda, naħseb li noqgħod attent li ma mmurx Bu Fies, u jekk immur ma ngħaddix mill-pjazza.