Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ kważi żewġ miljun passiġġier.
Hekk spjegat ma’ dan l-istazzjon Lorna Refalo, Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Ajruport.
Hija qalet li dan ifisser żieda ta ħames fil-mija fl-istess perjodu meta mqabbel mal-2019, li kienet l-aqwa sena li qatt ra l-ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Qalet, “Kellna bidu ta’ sena tajba ħafna, fejn fil-fatt fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena rajna żewġ miljun passiġier. Dan ifisser żieda ta’ seba’ mija u sittin elf passiġier iktar mis-sena ta’ qabel u, meta mqabbel mas-sena rekord tagħna, li hija l-2019, naraw li kien hemm żieda ta’ ftit aktar minn 5 fil-mija.”
L-iktar jiem impenjattivi għall-ajruport matul April kien fi tmiem il-ġimgħa tal-Għid, hekk kif għaddew kważi tmienja u disgħin elf u ħames mitt (98,449) passiġġier.
Lorna Refalo rrimarkat li l-irkupru b’saħħtu fis-settur turistiku Malti ġie kkonfermat mill-ajruport, tant li qed jiġi imbassar illi sa tmiem din is-sena se jkunu għaddew minnu sitt miljun u tliet mitt elf passiġġier.
Hija spjegat li dan ifisser irkupru ta’sitta u tmenin fil-mija fuq iċ-ċifra tal-elfejn u dsatax, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Qalet, “Qed nistennew li jkollna sajf impenjattiv, anke grazzi għall-iskeda ta’ titjiriet li għandha aktar minn mitt rotta fiha. Qed naraw li fiha hemm linji tal-ajru li ilna ma naraw. Qed naraw li sal-aħħar ta’ din is-sena se nkunu lqajna mas-sitt miljun u tliet mitt elf passiġier. Dan ifisser irkupru ta’ sitta u tmenin fil-mija tal-livelli rekord li kellna fl-2019. ”
Intant, f’temp ta’ ħames snin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jagħmel investiment massiċċ ta’ madwar €175 miljun.
€40 miljun minn dan l-investiment se jkun qed jagħmel parti mill-proġetti li bdew matul din is-sena.
Qalet, “Proġett kbir ieħor, huwa l-proġett ta’ apron X, fejn permezz ta dan il-proġett se nkunu nistgħu nakkomodaw seba’ ajruplani pparkjati oħrajn, u dan ifisser li se nkunu nistgħu nammiraw għal iktar tkabbir.”