Il-linja tal-ajru Ryanair qed tneħħi numru ta’ rotot li, normalment, tkopri f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minħabba raġunijiet ta’ taxxi u tariffi għoljin ħafna.
Spanja se tkun fost l-aktar pajjżi affettwati minn din id-deċiżjoni, bil-linja tal-ajru tippjana li tnaqqas 12-il rotta sas-sajf li ġej, tnaqqis tat-traffiku tal-ajru ta’ 18 fil-mija. It-tijiriet lejn l-ibliet ta’ Jerez u Valladolid se jiġu eliminati kompletament.
L-Uffiċjal Eżekuttiv tar-Ryanair, Eddie Wilson, qal li l-ajruport Aena ta’ Spanja qed ikompli jippersisiti b’tariffi mhux ġustifikati, flok jimplimenta skemi u inċentivi effettivi.
Ma’ dan waqqfet ukoll it-titjiriet kollha minn Londra lejn Aalborg fid-Danimarka, waqt li, fl-Italja, se tirtira wieħed mill-ajruplani bbażati fl-Ajruport ta’ Fiumicino, Ruma.
Rotot lejn l-Awstrija u Franza huma wkoll mhedda minħabba t-tariffi tal-avjazzjoni.
Dan hu kompletament l-oppost għal dak li qed jiġri f’pajjiżna hekk kif ir-Ryanair kompliet tinvesti sa din il-ġimgħa stess fejn ħabbret żewġ rotot ġodda mis-sajf li ġej. Dawn huma lejn Glasgow, fl-Iskozja, u Rzeszow, fil-Polonja.
B’hekk l-għadd totali ta’ rotot li din il-linja tal-ajru sservi minn pajjiżna se jitilgħu għal tmienja u sittin, waqt li wkoll se jiżdiedu l-frekwenzi fuq tmintax-il rotta diġà eżistenti.
Mal-mikrofonu ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv Michael O’Leary sostna kif pajjiżna se jibqa’ jgawdi mit-tkabbir tal-linja tal-ajru, anke f’termini ta’ impjiegi ta’ kwalità, li fl-aħħar żmien ukoll żdiedu b’madwar sittin persuna.
Dan filwaqt li l-kumpanija qed issostni mal-erbat elef u mitejn impjieg f’pajjiżna.
Fl-2022, il-Prim Ministru Robert Abela kien ħabbar investiment ta’ €20 miljun mir-Ryanair f’Malta, bil-ftuħ ta’ bażi għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani tagħha ġdida.