Il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret tliet rotot ġodda minn u lejn pajjiżna.
Dawn ir-rotot li ser ikunu introdotti mal-iskeda tax-xitwa ser joħolqu konnettività ġdida bejn pajjiżna u ajruporti f’Tel Aviv fl-Iżrael, Lisbona fil-Portugall u Parma fl-Italja.
Dawn ser ikunu qed jingħaqdu mar-rotot diġà mħabbra biex b’kollox Ryanair ser tkun qed taħdem 12 il-rotta ġdida minn u lejn Malta fl-iskeda l-ġdida tax-xitwa.
It-titjiriet fit-tliet rotot ġodda mħabbra ser ikunu qed isiru darbtejn fil-ġimgħa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Air, David O’Brien stqarr kif Ryanair għandha 62 rotta b’kollox lejn pajjiżna li huwa wieħed mill-ikbar ammont mil-linji tal-ajru kollha.
Huwa qal kif dan huwa frott il-fiduċja li l-linja tal-ajru għandha f’pajjiżna u l-potenzjal turistiku qawwi li ser ikun kruċjali f’dan iż-żmien fejn id-dinja qed toħroġ mill-pandemija.
Qal, “We would expect that certainly by 2022 there would be such harmonisation across Europe and that Malta would not necessarily be at a particular disadvantage in terms of restrictions relevant to others. Particularly as the vaccination programs in other countries advance and the issues with the unvaccinated become less pronounced.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqarr kif din hija aħbar tajba oħra għas-settur turistiku f’pajjiżna.
Stqarr kif inħass il-bżonn li jkun hemm iżjed konnessjonijiet frekwenti ġodda ma’ pajjiżna u spjega kif bħala Gvern irnexxielu jagħmel bilanċ bejn l-importanza li tkun issalvagwardjata s-saħħa tan-nies filwaqt li jkun assigurat l-għixien tagħhom ukoll.
Il-Ministru stqarr kif issa jħares ’il quddiem għal iżjed kisbiet f’dan is-settur.
Spjega, “L-għan tagħna jibqa’ dak li niskopru numru ta’ niċeċ turistiċi ġodda wkoll sabiex naraw li fil-futur it-turiżmu jkun verament sostenibbli u s-sostennibbilà ma tkunx biss buzz word iżda jkun il-mod ta’ kif naħdmu aħna għas-snin li ġejjin.”