Il-linja tal-ajru Ryanair se tkun qed iżżid żewġ rottot ġodda minn u lejn pajjiżna għas-sajf li ġej.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ndirizzata mill-Kap Eżekuttiv tal-isstess linja tal-ajru Michael O’Leary, fl-uffiċini tal-kumpanija fl-Imsida.
Dawn ir-rottot se jkunu lejn Glasgow, l-Iskozja u Rzeszow, il-Polonja. B’dawn iż-żiedet in-numru totali ta’ rottot li sservi din il-linja tal-ajru minn pajjiżna se jkunu qegħdin jitilgħu għal tmienja u sittin rotta. Dan apparti li se jiżdiedu l-frekwenzi fuq tmintax-il rotta eżistenti.
Fl-istess konferenza tħabbar ukoll kif Ryanair se tkun qed żżid ajruplan ieħor tat-tip Boeing 737 ibbażat f’pajjiżna b’investiment ta’ mitt miljun ewro, biex b’hekk il-kumpanija se jkollha tmien ajruplani bbażati f’Malta. L-investiment totali tal-kumpanija jlaħħaq it-tmien mitt miljun ewro.
O’Leary stqarr kif ix-xiri ta’ ajruplani tal-aħħar teknoloġija ikomplu jagħmluha possibli biex il-kumpanija tkompli toffri titjiriet bi prezzijiet kompettivi. Hu tenna wkoll kif pajjiżna se jibqa’ jgawdi mit-tkabbir tal-linja tal-ajru, anki f’termini ta’ impjegati magħha li fl-aħħar żmien żdiedu b’madwar sittin persuna. Dan apparti li l-kumpanija qed issostni mal-erbat’elef u mitejn impjieg f’pajjiżna. O’ Leary stqarr ukoll kif l-investiment f’pajjiżna qiegħed ikompli anki fuq aspett infrastrutturali, tlesta l-hanger għall manutenzjoni li jħaddem mal-mitt persuna f’impjiegi ta’ kwalità.
Ryanair qalet li għal dan is-sajf qed tiproġetta li ġġor mal-erbgħa punt disgħa miljun passiġġier, żieda ta’ ħdax fil-mija fuq is-sena li għaddiet.