Il-linja tal-ajru Ryanair ħabbret ħames rotot ġodda minn u lejn pajjiżna u se tkun qed topera 300 mitt titjira fil-ġimgħa.
Dawn ir-rotot li ser ikunu introdotti mal-iskeda tax-xitwa ser joħolqu konnettività ġdida bejn pajjiżna u ajruporti f’Bordeaux, Bournemouth, Lisbon, Shannon u Stockholm.
Dawn ser ikunu qed jingħaqdu mar-rotot li diġà hemm biex b’kollox Ryanair ser tkun qed topera 55 rotta.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu intqal ukoll li Ryanair b’kollox se jkollha 500 ħaddiem Malti f’piloti, enġiniera u membri tal-ekwipaġġ.
Ryanair investiet iktar minn 620 miljun ewro f’pajjiżna b’sitt ajruplani li jġorru 4 fil-mija iktar passiġġieri, b’16 fil-mija inqas emissjonijiet.
Il-Kap eżekuttiv ta’ Ryanair Michael O’Leary qal li sa erba’ snin oħra l-ammont ta’ passiġġieri Maltin li jsifru mar-Ryanair għandu jitla għal 200 miljun.
Huwa qal li dan l-investiment ġdid jixhed l-impenn tal-linja tal-ajru li jmexxi lejn l-ekonomija Maltija. “Se nibqgħu naħdmu mill-qrib mal-Gvern Malti biex nixprunaw l-irkupru tat-traffiku u tal-postijiet tax-xogħol fil-qasam tat-turiżmu,” qal Michael O’Leary.