Ryan Schembri nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ frodi u ħasil ta’ flus.
Huwa tressaq quddiem il-Qorti l-Ħadd filgħodu wara li fl-elfejn u erbatax ħarab minn Malta wara li falla n-negozju tiegħu, u kien ilu mfittex mill-awtoritajiet Maltin għal dawn l-aħħar tmien snin.
In-negozju ta’ Schembri kien More Supermarkets, u fl-elfejn u erbatax, huwa kellu kuntratt mal-avukat Carmel Chircop, li ġie maqtul sena wara, fejn dan tal-aħħar sellef seba’ mija u ħamsin elf ewro mingħajr interessi lil Schembri.
Fil-Qorti huwa tkellem ukoll f’isem il-kumpaniji, Cassar & Schembri Marketing Limited u Food World Limited, fejn għall-akkużi tagħhom wieġeb mhux ħatja.
Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi ta’ Schembri, fejn ġie spjegat kif waqt l-arrest tal-imputat instabu xi kards bankarji barranin, u b’hekk l-ordni tal-iffriżar tal-assi ġiet estiża wkoll għal dawn il-kontijiet.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif spjegat li huwa m’għandux indirizz fiss f’Malta hekk kif ġie estradit mill-Iskozja din il-ġimgħa stess. Hija spjegat kif l-imputat telaq minn Malta bl-intenzjoni li jiġi lura, u nnota kif l-imputat kellu xi problemi ma’ persuni terzi fejn hemm marbut numru sostanzjali ta’ flus.
Għalhekk id-difiża talbet sabiex il-Qorti tfakkar dan lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sabiex il-ħajja tal-imputat ma tkunx f’periklu, u sabiex ma jkunx hemm avviċinanza minn terzi persuni.