Iż-żagħżugħ Ryan Magro li kien ferut gravi minn Serb ta’ 23 sena xehed fil-Qorti meta bdiet il-kumpilazzjoni kontra Srdan Simic. Fil-Qorti qal kif se jkollu jagħmel intervent mediku barra l-pajjiż bit-tama li jsalva l-vista t’għajnejh tax-xellug.
Meta xehed quddiem il-Maġistrat Mifsud Magro rrakkonta dak li seħħ fi stabbiliment f’Buġibba bejn l-ewwel u t-tnejn ta’ April. Fisser kif Simic kien qed idejjaq lill-klijenti li marru jilmentaw miegħu. Wara li kellem lil sid l-istabbiliment, li jiġi missieru tar-rispett, kien is-sid David Busuttil li talab lill-akkużat biex jitlaq ‘il barra kif deher li se jagħmel. Iżda, hu u ħiereġ Simic faqa’ t-tazza f’wiċċ Magro.
Lil Magro saritlu operazzjoni, iżda hemm bżonn iktar interventi mediċi biex il-vista ta’ għajnejh tkun salvata. Fil-Qorti kien innotat kif is-Serb bidel id-dehra tiegħu biex ma jintgħarafx.
Filwaqt li s-Serb tqiegħed taħt att ta’ akkuża l-avukat difensur talab il-ħelsien mill-arrest. Iżda, l-Maġistrat Mifsud ma laqax din it-talba.
Is-Supretendent Walter Spiteri u l-Ispettur Maurice Curmi qed imexxu l-prosekuzzjoni u għall-vittma hemm jidher ukoll l-avukat Franco Debono. Is-Serb għandu jiddefendih lil Roberto Montalto.