Russu ta’ 41 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ madwar tliet sulari minn fuq il-bejt tar-residenza tiegħu fi Triq Hookham Frere f’Tal-Pietà għall-ħabta ta’ nofsillejl sbieħ it-Tlieta.
Il-Pulizija kienu informati ftit wara biex jassistu. Mal-wasla tagħhom fuq il-post u minn stħarriġ preliminari, irriżulta li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħlijiet meta seħħ l-inċident.
Fuq il-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku, bir-raġel jittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza biex jingħata l-kura meħtieġa. Hawn hu ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat Dr Anthony Agius Bonniċi kien informat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.