Nhar il-Ħamis 13 ta’ Lulju 2017 Ħal Qormi ser ikun qed jilqa’ l-kantanta internazzjonali mill-Ukrajina Ruslana. Din ser tkun qed tingħaqad mal-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Pinto fil-kunċert imtella’ mill-istess banda fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Sebastjan.
Dan il-kunċert qed sar sinonimu mad-dilettanti lokali tal-mużika hekk fiż-żewġ edizzjonijiet passati laqgħa kantanti internazzjonali oħra fosthom Vincenzo Carni u Vincenzo Cantiello. Din is-sena sar investiment akbar hekk kif din is-sena qed jaħbat ukoll il-155 sena mit-twaqqif tal-istess soċjetà. Kien għalhekk li l-kumitat flimkien mas-Surmast ħadmu biex fil-programm tal-festa tingħaqad mal-banda kantanta internazzjonali ta’ fama mondjali. Wara ħafna diskussjonijiet il-kumitat wasal fi ftehim biex jilqa’ lil Ruslana. Ta’ min isemmi li Ruslana kienet ir-rebbieħa tal-edizzjoni tal-Eurovision tas-sena 2004 bid-diska li għada popolari Wild Dances. Ruslana se tkanta wkoll is-single il-ġdida tagħha It’s Magical, din id-darba bil-verżjoni mal-banda.
Id-dilettanti tal-Eurovision ser ikunu jistgħu igawdu wkoll lill-kantanta Qormija li din is-sena kienet l-ambaxxatriċi ta’ Malta fil-Eurovision, Claudia Faniello. Dan minbarra l-Qormi Sebastian Calleja li qiegħed jistabillixxi ruħu bħala wieħed mill-kantanti ewlenin ta’ pajjiżna. Jieħdu sehem ukoll it-Tenur Joseph Aquilina u l-kor ta’ Romina Vella.
Wieħed se jkollu l-opportunità li jiltaqa’ wkoll ma’ Ruslana u jieħu ritratt tal-okkażjoni.