Marius Iorgaa, Rumen ta’ 27 sena, inżamm arrestat wara li l-Ġimgħa tressaq il-Qorti akkużat b’serq minn ħamest iħwienet ewlenin tal-mowbajls u li kkaġuna ħsarat fihom bejn il-11 u l-25 ta’ Lulju ta’ sentejn ilu.
Hu ġie akkużat ukoll li kien qed iħejji pjani għal reati oħrajn, bħala parti minn klikka kriminali.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Joseph Mercieca u Christina Delia, spjegat li minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li dawn il-ħames serqiet twettqu mill-istess erba’ persuni, li wkoll użaw l-istess metodu.
Il-valur tal-oġġetti misruqin jirriżulta li jlaħħaq għal mija u tmenin elf ewro.
Il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-vetturi użati u tintraċċa minn fejn kienet inxtrat waħda minnhom, b’dan iwassal għall-identifikazzjoni ta’ erbgħa persuni li kienu Rumeni, b’wieħed minnhom ikun l-akkużat.
Sadanittant filmati dwar dan ġew ippubblikati fuq il-midja soċjali u, sigħat wara, l-erba’ suspettati telqu Sqallija bil-katamaran.
Hawnhekk inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew u l-Ħamis li għadda l-awtoritajiet Rumeni informaw lill-Pulizija Maltija li l-akkużat kien arrestat fir-Rumanija. B’hekk inbdew il-proċeduri biex jiġi estradit lejn Malta.
Fil-Qorti l-Ġimgħa l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u, għalhekk, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, żammet lill-imputat arrestat.