Rumen ta’ 30 sena se jiġi estradid wara li kien imfittex mill-Pulizija u nqabad f’pajjiżna. Ir-raġel inqabad wara ħabta bil-karozza s-Sibt filgħodu u rriżulta li kien qed isuq mingħajr polza ta’ assigurazzjoni. Kien hawn li l-Pulizija stabbilixxew li fil-konfront tar-raġel hemm mandat ta’ arrest Ewropew. Valentin Budescu li kien joqgħod is-Swieqi kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Għajn fi Swieqi fejn kien qed issuq bla liċenzja. Ir-raġel kien imfittex f’Edinburgh dan wara li ma deherx fil-Qorti Skoċċiża, minħabba serqa kbira li kien għamel minn dar fl-2013. Ir-raġel jista’ jeħel sa massimu ta’ għomor il-ħabs, dan għaliex daħal jisraq minn dar ta’ anzjan. Hu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest, bil-konsegwenza li ma deherx fil-Qorti u eventwalment ta’ l-aħħar toħroġlu l-mandat ta’ arrest.
F’pajjiżna huwa tressaq il-Qorti mixli b’inċident tat-traffiku mingħajr polza ta’ assigurazzjoni, fejn ammetta ta’ dawn l-akkużi ngħata sentenza ta’ tliet xhur ħabs sospiżi għal tliet snin u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena, rigward il-mandat ta’ arrest huwa wera x-xewqa li jiġi estradit kif filfatt se jiġri.
Huwa se jinżamm arrestat f’pajjiżna sakemm jiġi estradit.
Intant, l-Avukat Matthew Xuereb ipprosekwixxa f’isem l-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Matthew Spagnol u Mark Galea, filwaqt li l-Avukat Alfred Abela deher bħala difiża.