L-ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia ordna lid-Deputat Nazzjonalista Karol Aqulina jirtira l-kliem ta’ theddid li lissen fil-konfront tad-Deputat tal-Gvern Michael Farrugia.
Dan f’ruling li ta it-Tnejn waranofsinhar wara li ftit tal-ġimgħat ilu d-Deputat Laburista Michael Farrugia talab il-protezzjoni tal-Ispeaker wara li ġie mhedded mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Dan wara li fid-29 ta’ Marzu, Farrugia nnifsu żvela il-kliem ta’ theddid li lissen Aqulina fil-konfront tiegħu.
Dawn inkludew kliem ieħor, “Inżommhielek fil-komma,” u “jien nagħmilielek u mhux infakkarieliek”, fost oħrajn.
“Ħa nkun qiegħed nitlob il-protezzjoni tiegħek għal xi ħaġa li ġrat fil-bini tal-Parlament. Wara l-Kumitat tela’ l-Onorevoli Aquilina u fost kliem li qal, qalli “Ħa nżommha fil-komma.” It-tieni, “għadek ma tafx kemm inżommha fil-komma, infakkarhielek u nibqa’ nfakkarhielek.” It-tielet qalli, “u se nżommha, mija fil-mija.” L-agħar waħda, u għalhekk se nitlob il-protezzjoni tiegħek, hu qalli, “jien nagħmilhielek, mhux infakkarhielek.” Mr Speaker, dan huwa kliem illi jien f’ħajti qatt ma eddidt lil ħadd u mhux se nħalli lil ħadd jhedded lili.”
Dan it-theddid wasal ftit tal-ġimgħat wara li fil-Parlament deputati Nazzjonalisti sfidaw għall-ġlied lin-naħa tal-Gvern b’ritratti ppubblikati li xxokkjaw lil kulħadd.
Farrugia qal li din it-theddida ta’ Aquilina saret wara li l-istess deputat u l-membri tal-Partit Nazzjonalista ma marrux għall-kumitat tal-abbozz ta’ liġijiet li kellu jiddiskuti l-emendi biex f’każi ta’ kriminalità organizzata l-pulizija tkun tista’ żżomm persuni arrestati għal iktar ħin.
B’rabta ma’ dan l-Ispeaker Anġlu Farrugia, ordna lill-Karol Aqulina, jirtira kliemu.
“Is-sedja tifhem li l-kliem “jien nagħmilielek u mhux infakkarieliek”, li l-Onorevoli Karol Aquilina qal liċ-chairman tal-Kumitat għal-Konsiderazzjoni tal-Abbozzi tal-Liġi l-Onorevoli Michael Farrugia, ma huwiex xieraq kontra l-karattru tal-istess Michael Farrugia u għalhekk fiċ-ċirkostanza qed titlob li l-Onorevoli Karol Aquilina jirtira dan il-kliem.”