It-team nazzjonali malti tar-Rugby Union kiseb rebħa kbira ta’ 46 għal 10 kontra s-Slovenja fit-tieni logħba tiegħu mill-FIRA /AER Conference South 1 f’Ljubljana s-sibt wara nofs-in nhar.
Il-plejers maltin pattew għat-telfa ta’ ġimgħa qabel kontra l-Bulgarija li kienet saret fit-Tony Beżżina Stadium.
Sodisfazzjon il-fatt li l-maġġoranza kbira tal-plejers li lagħbu kienu prodott lokali u li jilgħabu fil-kampjonat domestiku.
Il-punti tal-maltin waslu minn żewġ tries kull wieħed għal Philippe Ioffe, Mariano Cutajar u Brendan Dalton flimkien ma’ tries oħra ta’ Liam Scicluna u Matthew Spiteri. Chris Dudman tella’ bosta punti minn tliet conversions.
Malta issa terġa’ tirritorna fl-azzjoni mill-istess kompetizzjoni fil-25 ta’ Marzu kontra Ċipru f’Kordin u kontra Iżrael barra minn xtutna fil-15 ta’ April li ġej.