It-team nazzjonali malti tar-Rugby Union sofra l-ewwel telfa tiegħu mill-kwalifikazzjoni tal-European Conference South 1 hekk kif is-sibt wara nofs-in nhar safa’ megħlub barra minn xtutna bl-iskor ta’ 7-3 mill-Kroazja. Kienet wirja ta’ qlubija mill-plejers maltin kontra l-leaders tal-grupp. Logħba li ġiet deċiza fl-ewwel taqsima.
Il-maltin fetħu tajjeb u marru 3-0 minn fuq minn penalty kick ta’ Chris Dudman.
Izda l-kroati qalbu r-riżultat ta’ taħt fuq. L-ewwel bi try ta’ Jason Newton li għamel l-iskor 5-3, biex imbgħad l-istess Newton għamel il-conversion għal skor ta’ 7-3.
Fit-tieni taqsima l-maltin intefgħu fuq l-attakk iżda sabu difiża kroata organizzata tajjeb, bl-avversarji jagħrfu jiddefendu l-vantaġġ sal-aħħar. Ta’ nota li Chris Dudman falla żewġ penalty kicks importanti għal Malta li setgħu dawru r-riżultat.
Malta issa terġa’ tkun fl-azzjoni is-sibt 16 t’April meta tilgħab kontra Ċipru fit-Tony Bezzina Stadium Kordin.