It-team nazzjonali malti tar-Rugby Union għeleb lil Ċipru bl-iskor ta’ 43-21, f’logħba mir-Rugby Europe Conference li saret fit-Tony Bezzina Stadium is-sibt wara nofs-in nhar.
Folla sabiħa attendiet għal din il-logħba, li ma waqfet xejn fl-appoġġ tagħha lit-team malti. Team malti li kien taħt it-tmexxija tal-kowċ Keith Hopkins u li ra lill-plejer Joe Greaves ikun il-captain ta’ Malta għall-ewel darba f’logħba li ntlagħbet f’pajjiżna. Spikka wkoll Harry Collins li dik tas-sibt kienet il-ħamsin logħba tiegħu bil-flokk tat-team malti.
It-team malti iddomina għall-kollox l-ewwel taqsima tant li daħal jistrieħ 24-0 minn fuq, bl-avversarji qatt ma rnexxielhom jidħlu fil-logħba. Fit-tieni taqsima, Ċipru bdew tajjeb u tellgħu xi punti, iżda l-maltin għarfu jerġgħu jieħdu r-riedni tal-logħba f’idhom.
Il-maltin bdew tajjeb u wara biss sitt minuti logħob marru 7-0 minn fuq. Dan wara try mix-xellug ta’ Owen Vassallo segwita minn conversion ta’ Chris Dudman.
Fis-17 -il minuta t-team malti kompla kabbar l-iskor grazzi għal try ta’ Zarrin Galea. Try li ġie minn azzjoni veloċi b’Galea jkollu ħarba sabiħa, għadda lil bosta plejers avversarji u għadda l-linja finali għal skor ta’ 12-0. L-iskor sar 14-0 grazzi għall-conversion ta’ Robert Holloway.
Il-maltin baqgħu jiddominaw u ħames minuti wara komplew ikabbru l-iskor. Azzjoni sabiħa bejn Louis Mifsud u Owen Vassallo, b’tal-ewwel iqassam lit-tieni, b’Vassallo jaħrab lill-plejers avversarji u jagħmel try ieħor għall-maltin. Robert Holloway ma falliex il-conversion għal skor ta’ 21-0.
L-iskor sar 24-0 man-nofs siegħa logħob hekk kif Robert Holloway għamel tliet punti oħra permezz ta’ penalty kick.
L-ewwel taqsima għalqet bi skor ta’ Malta 24 Ċipru 0.
It-tieni taqsima fetħet bl-ewwel punti ta’ Ċipru permezz ta’ try ta’ Dominic Georgiou, wara ħarba sabiħa mix-xellug. Marcus Holden għamel żewġ punti oħra permezz tal-conversion għal skor ta’ 24-7 favur il-maltin.
Ċipru dehru li ħarġu għat-tieni taqsima aktar aggressivi u fis-17 -il minuta tellgħu seba’ punti oħra minn try ta’ Georgiou u conversion ta’ Holden għal skor ta’ 24-14 dejjem favur it-team malti.
Il-maltin irnexxielhom iwettqu reazzjoni wara l-bidu b’saħħtu ta’ Cipru u fl-34 minuta logħob tat-tieni taqsima kellhom try ta’ Zarrin Galea biex lpiskro sar 29-14. Rob Holloway naqas li jagħmel il-conversion.
It-team malti reġa ħa l-kontroll tal-partita lejn l-aħħar u ftit minuti mit-tmiem għamel seba’ punti, oħra biex għalaq il-logħba. L-ewwel kien try sabiħ u ċentrali ta’ Rory O’Brien imbgħad conversion minn pożizzjoni ideali ta’ Rob Holloway li għamlet l-iskor 36-14.
Ftit wara waslu try u conversion ta’ Ċipru li naqqsu id-distakk, bl-iskor isir 36-21.
Il-maltin komplew jagħfsu u fl-aħħar sekondi kisbu saħansitra penalty try biex kisbu seba’ punti oħra għal skor finali Malta 43 Ċipru 21.
(Photo Credit: Andy Bradbury)