It-team nazzjonali malti tar-Rugby Union għeleb lil Ċipru 22 għal 17 hekk kif is-sibt wara nofs-in nhar, fit-Tony Bezzina Stadium, kien fl-azzjoni f’logħba oħra minn Rugby Europe Conference South 1.
Dik tal-lum kienet l-ewwel logħba għall-kowċ il-ġdid ta’ Malta Keith Hopkins li ħa post l-ex kowċ Damien Neill.
Il-maltin bdew tajjeb u wara biss 4 minuti tellgħu l-ewwel 3 punti tagħhom permezz ta’ penalty ta’ Chris Dudman.
It-team malti kompla jkabbar l-iskor fid-29 minuta minn try mix-xellug ta’ Tom Holloway. Chris Dudman falla l-concversion għal skor ta’ 8-0.
L-ewwel taqsima kienet għall-kollox f’idejn it-team malti biċ-ċiprijoti ma jwettqu l-ebda reazzjoni.
Id-dominju malti kompla u eżatt lejn tmiem l-ewwel taqsima Robert Holloway għamel try oħra għal skor ta’ 13-0. Chris Dudman irnexxielu wkoll jagħmel il-conversion biex l-ewwel taqsima għalqet 15-0 favur Malta.
Il-ftuħ tat-tieni taqsima rat lil Ċipru mill-ewwel fuq l-attakk u wara biss 3 minuti għamlu l-ewwel try tagħhom mill-plejer Matthew Georgiou. Dominic Georgiou irnexxielu jagħmel il-conversion għal skor ta’ 15-7, dejjem favur Malta.
Ir-risposta tal-maltin waslet mal-kwarta logħob grazzi għal try veloċi u sabiħa mix-xellug ta’ Brandon Dalton biex għamel l-iskor 20-7. Chris Dudman tella’ 2 punti oħra mill-conversion għal skor ta’ 22 għal 7 favur il-maltin.
Fl-24 minuta ċ-ċiprijoti għamlu it-tieni try tagħhom din id-darba permezz tal-plejer Hadee Fayaz biex l-iskor sar 22 għal 12. Ben Yarrow naqas milli jagħmel il-conversion.
Lejn l-aħħar parti tal-logħba Ċipru ippruvaw iżidu l-pressjoni u jnaqqsu d-distakk, iżda l-maltin għarfu jikkontrollaw tajjeb. Lejn tmiem il-logħba kien hemm ukoll iċ-ċans li t-team malti jkabbar il-vantaġġ minn penalty kick ta’ Chris Dudman, iżda l-plejer malti ma rnexxielux jagħmlu.
Ċipru ippruvaw l-aħħar attakki tagħhom u ta’ dan ġew ippremjati ftit qabel it-tisfira finali minn try ta’ Michaelis Christaki biex id-distakk naqas għal ħames punti. Ċipru pero naqsu li jagħmlu l-conversion.
Dik kienet l-aħħar azzjoni tal-logħba bl-iskor finali jkun Malta 22 Ċipru 17.
L-iskwadra maltija kienet komposta minn dawn il-plejers: Karol Spiteri; Thomas Davey; Terence Galdes; Harry Perkins; Martin Barbara; Cameron Sultana; Daniel Apsee; Mark Davey; Thomas Holloway; Robert Holloway; Brendan Dalton; Kyle Gauci; Chris Dudman; Philippe Ioffe; Jethro Zammit Randich; Nicholas Azzopardi; Andrea Borg; Sven Camilleri; Liam Scicluna; John Jerome Micallef; Nicholas Vella; Dominic Busuttil; Mark Robertson