“Qed inħarsu b’entużjażmu u ottimiżmu lejn il-logħba kontra l-Krozja, logħba li se tiddeċiedi minn jispiċċa l-ewwel fil-grupp tar-Rugby Conference South.”
Dan qalu l-coach tat-tim nazzjonali Malti tar-Rugby Union Damien Neill waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ingħataw l-aħħar dettalji dwar l-aħħar logħba li t-tim Malti għandu mill-Conference South ta’ Rugby Europe nhar is-sibt li ġej kontra l-Kroazja fil-Hibs Stadium f’Kordin.
Malta u l-Kroazja jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika tal-grupp bl-istess ammont ta’ punti u rebħiet, u l-konfront tas-sibt li ġej se jiddeċiedi minn minnhom se jirbaħ il-grupp u jgħaddi għall-play offs tal-promozzjoni għal divizjoni għola.
Neill qal li mill-Kroazja qed jistenna logħba aggressiva, l-aktar tim ippreparat mill-pajjiżi kollha tal-grupp tagħna. Madanakollu l-Maltin huma lesti għall-isfida u fiduċjużi li jkolhom riżultat pożittiv.
Ir-rebbieħ ta’ din il-logħba f’Ġunju li ġej jilgħab il-play off għall-promozzjoni kontra r-rebbieħ ta’ Conference North li se jkun xi ħadd bejn Ukrajna u Svezja.
Damien Neill appella għall-appoġġ mill-pubbliku Malti.
Il-logħba Malta vs Krozja tintlagħab nhar is-sibt fis-14.00, bil-bibien jinfetħu fin-12.30.