Infrastruttura Malta se tkun qed tibni roundabout ġdida sabiex tieħu post il-junction perikoluża bejn Pembroke u ż-żona magħrufa bħala High Ridge.
Il-Kap tal-Proġetti t’Infrastruttura Malta Walter Portelli, saħaq li wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan il-proġett ta’ €1,600,000 huwa s-sigurtà ta’ dawk li jagħmlu użu minn din it-triq.
Potelli spjega: “F’din il-junction hawnhekk kienu saru numru kbir ta’ accidents u allura għamilna disinn ta’ roundabout biex inżidu s-sigurtà tas-sewwieqa u n-nies li jgħaddu minn hawnhekk.”
Kompla jispjega li x-xogħlijiet se jibdew fil-jiem li ġejjin u jekk it-temp jippermetti mistennija jintemmu fi żmien 6 xhur.
Bħala parti minn dan il-proġett, Infrastruttura Malta se tibni wkoll bankina ġdida tul Triq Sir Adrian Dingli biex toħloq passaġġ aktar sigur lejn l-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke u faċilitajiet sportivi oħra.
It-tliet waqfiet tat-trasport pubbliku li hemm f’dawn it-toroq ukoll se jinbnew mill-ġdid b’disinn ġdid, b’daħliet apposta għall-karozzi tal-linja, għal aktar sigurtà u kumdità għall-passiġġieri.
Se ssir ukoll pelican pedestrian crossing ġdida li tgħaqqad dawn il-waqfiet u tiffaċilita l-aċċess għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi miż-żona.
Eventwalment, din ir-roundabout ġdida se tkun inkluża fil-pjani tal-proġett magħruf Pembroke-St Julian’s Connections.
Dan l-investiment jinkludi toroq u mini ġodda, il-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant’Andrija u titjib ta’ junctions oħra fl-inħawi