Malta Public Transport qed tniedi servizz ġdid ta’ shuttle-bus għall-Università ta’ Malta mill-Park & Ride ta’ Pembroke. Ir-rotta TD 17 se tibda topera mal-ftuħ tas-sena skolastika minn nhar it-Tnejn li ġej. “Din hija soluzzjoni alternattiva u vijabbli għall-istudenti, u ninsabu kuntenti li qed noffru dan is-servizz innovattiv,” qal Daniel Grech, Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. “Ir-rotta l-ġdida se tħalli mpatt pożittiv fuq it-traffiku fit-toroq kif ukoll fuq is-sitwazzjoni tal-parkeġġ fiż-żoni ta’ madwar l-Università.”
Is-sur Grech qal li Malta Public Transport hija impenjata lejn trasport aktar effiċjenti għall-passiġġieri waqt li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal ambjent iżjed nadif. “Malta Public Transport ikkunsidrat is-siegħat moħlija li l-istudenti jakkumulaw fi tfittxija għal parkeġġ, u l-konsegwenzi negattivi li dan iħalli fuq il-kwalità tal-arja f’din il-parti ta’ Malta.”
Wara diskussjonijiet ma’ Malta Public Transport, il-Kunsill Studenti Universitarji laqa’ dan is-servizz ġdid li se joffri alternattiva konkreta għall-użu privat tal-karozzi. KSU tinkoraġġixxi din l-inizzjattiva u trid kompli l-kollaborazzjoni sabiex is-servizz ikun jista’ jespandi fil-futur. Intant, il-Kunsill qiegħed jindirizza l-problema tat-trasport u parkeġġ fl-Università billi jipproponi diversi modalitajiet alternattivi fosthom carpooling, car-sharing, l-użu ta’ pedelecs, roti, u muturi.
Carla Galea, President ta’ KSU qalet li “dan il-proġett jaqbel kompletament mal-viżjoni tal-Kunsill Studenti Universitarji li jiġu provduti modi alternattivi ta’ trasport lejn u mill-Università għall-istudenti kollha. Aħna se nagħmlu dak li hemm bżonn sabiex din l-inizzjattiva tikseb l-għarfien sħiħ matul is-sena akkademika, u ninkoraġġixxu lill-istudenti biex jużaw dan is-servizz ġdid.”
Rotta TD 17 se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minn Pembroke P&R direttament lejn Qroqq, qrib l-Iskate Park tal-Imsida. Il-vjaġġi jitilqu kull 15-il minuta bejn is-07:00 u s-18:00, bil-frekwenza tinbidel għal kull 30 minuta, minn l-10:30 san-12:30.