Tnediet rotta diretta ġdida mil-LOT Polish Airlines bejn Malta u Varsavja, li se tibda topera fis-16 ta’ April 2025.
L-introduzzjoni ta’ erba’ titjiriet fil-ġimgħa bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Ajruport Chopin ta’ Varsavja se ssaħħaħ il-konnettività kemm għall-vjaġġaturi li jaslu Malta kif ukoll għal dawk li jitilqu minnha, filwaqt li tipprovdi aċċess għan-netwerk globali ta’ LOT.
Din ir-rotta l-ġdida, li se tkun operata b’ ajruplani tat-tip Boeing 737 u Embraer 195, se toffri żewġ ħinijiet ta’ titjiriet fil-ġimgħa, sabiex jipprovdu lill-passiġġieri aktar għażliet u flessibbiltà.
Dan jiżgura skedi konvenjenti kemm għal dawk li jivvjaġġaw għal rikreazzjoni kif ukoll għal skopijiet ta’ negozju, b’għażliet ta’ Economy u Business Class, kif ukoll konnessjonijiet lejn destinazzjonijiet ewlenin bħall-Istati Uniti, il-Kanada, l-Indja, l-Asja tal-Lvant u l-Ewropa tat-Tramuntana.
Is-CEO tal-LOT Polish Airlines, Michal Fijol, qal li din hi aħbar ta’ sodisfazzjon, hekk kif bħala linja tal-ajru, mhux biss se joffru konnettività affidabbli u servizz ta’ kwalità, inkluż ikel u xorb komplementari fil-klassi Economy u ospitalità Pollakka, iżda wkoll esperjenza mingħajr xkiel f’Varsavja għal dawk li minn hemm, jivjaġġaw għal destinazzjonijiet oħra fl-Ewropa, l-Asja Ċentrali, l-Indja, l-Lvant Imbiegħed, il-Kanada u l-Istati Uniti.
Carlo Micallef, CEO tal-MTA, esprima l-entużjażmu tiegħu dwar din l-espansjoni sinifikanti fil-konnettività, hekk kif Malta qed tkompli tikber bħala destinazzjoni ewlenija fl-Ewropa, u dan is-servizz ġdid tal-LOT Polish Airlines huwa pass ieħor ‘il quddiem fl-isforzi biex jiġu attirati aktar viżitaturi minn Varsavja u destinazzjonijiet oħra konnessi magħha.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg enfasizza l-importanza ta’ din l-inizjattiva, hekk kif il-gvern jibqa’ impenjat li jsaħħaħ ir-rabtiet globali ta’ Malta, u din il-konnessjoni l-ġdida ma’ Varsavja hija pass ieħor lejn il-viżjoni għal turiżmu sostenibbli u diversifikat.
B’din l-espansjoni, Malta tkompli tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala ċentru fil-Mediterran, u toffri lill-vjaġġaturi mill-Polonja u lil hinn minnha destinazzjoni attraenti għar-rikkezza storika, kulturali u x-xenarji mill-isbaħ tagħha.