Se jinfetħu sensiela ta’ rotot ġodda minn għada, hekk kif ix-xogħol fuq il-proġett ta’ biswit l-ajruport wasal fl-aħħar fażi tiegħu.
Għaldaqstant se tkun qed tinfetaħ il-flyover ta’ quddiem l-istabbiliment McDonalds biex tmur lejn Ħal Luqa u Ħal Qormi, int u ġej minn taħt il-mini ta’ Ħal Kirkop.
Kif ippjanat, il-proġett se jkun miftuħ fit-totalità tiegħu f’April.
Din il-flyover toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-mina ta’ Ħal Kirkop. Hija twila 400 metru u magħmula minn seba’ biċċiet tal-azzar, li jiżnu 300 tunnellata. Il-proġett sar b’investiment ta’ tmintax-il miljun ewro, u ħafna mix-xogħlijiet qed isiru billejl biex inaqqsu l-inkonvenjenzi kemm jista’ jkun.
Dan il-proġett se joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn il-lokalitajiet ta’ Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi.
Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Port Ħieles, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija. Il-Perit ta’ dan il-proġett, Anton Zammit spjega li fil-jiem li ġejjin se jibdew jitqiegħdu is-sitt strutturi tal-azzar tal-flyover ta’ Luqa Junction