Rota, li biha ħa sehem it-tim taċ-ċiklisti tal-Vatikan fil-kampjonati dinjija fi Glasgow u li hi ffirmata mill-Papa Franġisku, se tinbiegħ b’irkant għall-familji fil-bżonn.
Din ir-rota tinsab f’Malta, hekk kif it-tim ta’ Athletica Vaticano għandu ftehim ma’ VisitMalta. B’din il-brand tinsab fuq il-flokkijiet ta’ dan it-tim fejn irreklamaw isem pajjiżna f’dan il-kampjonat u f’ieħor fl-Awstralja.
F’konferenza tal-aħbarijiet, membri ta’ dan it-tim mill-Vatikan qalu li jinsabu grati għal dan il-ftehim mal-awtoritajiet Maltin. Tali ftehim seħħ wara ż-żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna s-sena l-oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Carlo Micallef, tenna l-importanza ta’ dan il-ftehim.
“Però fl-istss ħin rajna wkoll li qegħdin inżewġu l-iniżjattivi tagħna fil-promozzjoni tan-niċeċ, kemm dak reliġjuż u anke dak sportiv u fl-istess ħin mill-inizjattiva li qegħdin nieħdu mal-Vatikan ħa jgawdu l-familji li meta tinbiegħ din ir-rota, permezz ta’ irkant, se jgawdu minnha, se tingħata l-għajnuna li min hu fil-bżonn.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u l-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.