L-ingredjenti għal platt ross moqli bil-gambli f’riċetta tipika Tajlandiża, hija fost l-erbgħa u sittin riċetta li nkitbu minn kokijiet mustaċċuni li jinsabu fit-tnax-il ktieb ta’ “Tisjir mill-Qalb”.
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena, hemm damma ta’ ideat ġodda għat-tisjir, b’riċetti apetitużi magħmula minn prodotti awtentiċi Maltin u oħrajn tipiċi fi kċejjen minn madwar id-dinja.
L-ikliet ħfief u oħrajn iktar abbundanti, ħarġu minn sittax-il kċina madwar id-dinja, fosthom mill-Ungerija u mill-Iżvizzera.
Il-ktieb fih ukoll għażla ta’ cocktails.
Is-Sibt filgħodu, il-President ta’ Malta George Vella żar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li qed isir f’Ta’ Qali, fejn fakkar fl-importanza tal-bejgħ ta’ dan il-ktieb għaliex il-qligħ minnu jmur għal għan nobbli.
Qal li l-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund għandha bżonn miljuni kbar ta’ ewro u teħtieġ il-ġenerożità tan-nies mhux biss fil-Milied iżda matul is-sena kollha.
Qal, “Il-Community Chest Fund ilha tfittex sorsi differenti ta’ dħul, biex tagħmel tajjeb għas-somom kbar li nonfqu fuq bażi regolari. Mhux se noqgħod ngħid l-ammont li noħorġu, għax huwa fenomenali, ngħid biss li s’issa għall-grazzja ta’ Alla, bl-għajnuna ta’ kulħadd, s’issa kull min iħabbat il-bieb tal-Community Chest Fund sab l-għajnuna u l-appoġġ”.
Il-ktieb “Tisjir mill-Qalb” jista’ jinxtara minn diversi ħwienet tal-merċa, ħwienet ewlenin tal-kotba f’Malta u f’Għawdex, kif ukoll mill-Kitchen Garden, mill-Palazz Presidenzjali tal-Belt u mill-Palazz ta’ Sant Anton.