Fil-Qorti, id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar xehdet f’kawża li fethet il-pulizija fil-konfront ta’ Mark Camilleri.
Mark Camilleri jinsab akkużat li hedded u ppersegwita lil Rosianne Cutajar, b’mod li jaqbeż il-limiti tal-provokazzjoni. Dan għamlu permezz ta’ kitba fuq il-Facebook, fejn huwa qal ukoll li d-deputat parlamentari hija “giddieba u korrotta”.
Mark Camilleri kien kiteb f’Ottubru tal-2021 li jekk Rosianne Cutajar ma titlaqx mill-politika, hu se jsir l-agħar inkubu tagħha.
Fil-Qorti, l-avukat ta’ Cutajar, Edward Gatt, qara dak li kiteb Mark Camilleri, li bih ippersegwita lid-deputat Laburista. F’din il-kitba, Mark Camilleri qal li jekk Cutajar twaqqa’ l-libell fil-konfront tiegħu u titlaq mill-politika, iħalliha bi kwietha.
Mill-pedana tax-xhieda, Rosianne Cutajar qalet li hija taċċetta l-kritika, anke dik inġusta, iżda f’dan il-każ qalet li dak li ntqal huwa theddid li ma tistax tittollerah.
Meta ġiet mistoqsija mid-difiża dwar x’sabet ta’ thedded mill-kitba fuq il-midja soċjali, Rosianne Cutajar qalet li l-kitba kollha hija ta’ theddida, iżda l-iżjed biċċa hija meta Camilleri qal li huwa se jkun l-akbar inkubu tagħha.
Hija żiedet tgħid li ħassitha mhedda b’din il-kitba u fetħet rapport mal-Pulizija.