Il-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar inħelset minn kull akkuża dwar allegazzjonijiet li setgħet ingħatat xi senserija u li naqset milli tiddikjaraha u tħallas it-taxxa fuqha.
Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, Cutajar ħabbret li ġiet informata mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni li investigazzjoni f’dan ir-rigward fl-aħħar snin ma sabet xejn ħażin fil-konfront tagħha.
B’kitba fuq Facebook, Cutajar qalet li dan ifisser li ma kien hemm l-ebda nuqqas min-naħa tagħha, kif ġie allegat f’diversi okkażjonijiet mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-midja li tappoġġjaha. Fil-fatt il-PN u l-akkolti tiegħu fil-midja kienu xerrdu u żejnu tali allegazzjoni.
Cutajar qalet li s-sodisfazzjon tagħha llum hu li ħareġ kif hi dejjem qalet il-verità, waqt li ħaddieħor gideb dwarha.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Partit Nazzjonalista u l-midja tiegħu fl-aħħar jiem ma lissnu l-ebda kelma, minkejja li għal diversi xhur rikbu fuq l-allegazzjoni u ħolqu kruċjata sħiħa fil-konfront ta’ Cutajar.
Dak iż-żmien, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, ukoll kien irrakkomanda passi fil-konfront ta’ Cutajar, avolja kien qal li l-konklużjonijiet tiegħu setgħu kienu bbażati fuq ġudizzju ħażin.
Waqt il-Kumitat Parlamentari għall-Istandards sentejn ilu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia kien għamel mistoqsija speċifika u pertinenti lil Hyzler f’dan ir-rigward. Hu talbu jispeċifika jekk fil-każ ipotetiku li xi darba joħroġ minn investigazzjoni tal-awtoritajiet li ma jirriżulta mkien dak li kkonkluda hu (Hyzler), l-Eks Segretarju Parlamentari Nazzjonalista wieġeb b’mod skjett li fl-imgħoddi wkoll “kien hemm min ħa l-piena tal-mewt għalxejn” u “dawn affarijiet li jiġru”.