Meta fil-Qorti komplew jinstemgħu l-proċeduri b’rabta maż-żewġ siġġijiet żejda li ngħata l-Partit Nazzjonalista rriżulta li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Rosette Thake, ma kienet involuta xejn fin-negozjati ta’ kolazzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku.
Quddiem il-Qorti Kostituzzjonali meta kienet qed twieġeb għad-domandi tal-avukat tal-Partit Laburista, Rosette Thake, qalet li hi ma daħlet bl-ebda mod f’dan il-ftehim li kien iffirmat bejn Simon Busuttil u Marlene Farrugia. Ikkonfermat ukoll li Marlene Farrugia tmexxi l-Partit Demokratiku u qalet li Farrugia mhix tesserata tal-Partit Nazzjonalista, għalkemm fl-imgħoddi kienet.
Hawn l-avukat Pawlu Lia staqsa lil Thake jekk biex wieħed jikkontesta f’isem il-Partit Nazzjonalista jridx ikun tesserat u Thake ma kinetx taf twieġeb. Għalhekk talbet kopja tal-istatut u meta vverifikat irriżulta li iva.
F’dan il-mument, l-avukat tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier beda joġġezzjona għad-domandi. Fost oħrajn anke għad-domanda dwar jekk għadux jgħodd il-ftehim li sar qabel l-elezzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Demokratiku.
Domanda li Thake wieġbet għaliha bir-risposta “iva.” Filwaqt li ma ħallihiex tkompli twieġeb Borg Olivier qal lil dan il-ftehim kien jgħodd sal-kandidtura iżda jista’ jinbena fuqu.
F’dan l-istadju l-Qorti qed tevalwa t-talba biex il-Partit Demokratiku jissejaħ bħala parti mill-kawża. Talba li qed joġġezzjona għaliha l-Partit Nazzjonalista. Il-proċeduri għadhom għaddejin u t-tliet Imħallfin li jifformaw il-Qorti Kostituzzjonali bħalissa daħlu jiddeliberaw bejniethom.