Rosa Martinez inħatret Direttur Artistiku tat-tieni edizzjoni tal-maltabiennale.art, li se tittella’ bejn Marzu u Mejju fl-2026 wara sejħa internazzjonali li għaliha applikaw aktar minn 20 kuratur minn diversi pajjiżi.
Rosa Martinez, li hi bbażata fi Spanja, għandha storja twila fid-dinja artistika internazzjonali, waqt li fl-2005 kienet Direttur Artistiku tal-Biennale ta’ Venezja, l-ewwel mara fil-110 snin ta’ storja ta’ din il-wirja internazzjonali.
Wara din il-ħatra, issa jmiss li tiġi magħżula t-tema kuratorjali għall-maltabiennale.art 2026, filwaqt li jiġu deċiżi s-siti storiċi li fihom se jkun hemm il-wirjiet.
L-artisti li se jkunu qed jesebixxu matul il-biennale ta’ Malta jintagħżlu mid-Direttur Artistiku wara sejħa internazzjonali li mistennija toħroġ kmieni s-sena d-dieħla.