Raġel li ismu mhux ġdid mar-reati tad-droga, reġa’ spiċċa l-Qorti, akkużat b’pussess ta’ kannabis u kokaina li nstabu f’ċirkostanzi li juru li kienu għall-bejgħ.
Mohammed Kouruma, xufier tat-taxis ta’ 44 sena mill-Kosta tal-Avorju, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello akkużat b’pussess tas-sustanzi.
Fil-Qorti ġie spjegat kif il-Ġimgħa filgħaxija, uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jagħmlu ronda f’San Pawl il-Baħar innutaw karozza li kienet ipparkjata illegalment.
Meta resqu aktar viċin, raw sustanza ħadra maħsuba kannabis ġol-vettura.
Tfittxija li segwiet, irriżultat f’numru ta’ boroż li kien fihom 14.44g ta’ kannabis, boroż oħra b’6.97g kokaina, mobiles, u flus kontanti.
L-akkużat wieġeb mhux ħati u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba u rrimarkat dwar il-fedina penali kkulurita tal-akkużat, li turi li aktar kmieni din is-sena skonta sentenza b’rabta ma’ akkużi simili.
Id-Difiża rrimarkat li l-ammont ta’ droga u flus fil-pussess tiegħu kien minimu, u li l-imputat ilu jgħix Malta tnax-il sena u jaħdem full-time.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li l-imputat jagħti l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu, u jiffirma fl-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa.
Huwa nħeles fuq depożitu ta’ €4,000 u garanzija personali ta’ €5,000.